L-ismijiet oriġinali kollha tal-cartoon kienu nqalbu għat-Taljan b’mod ftit jew wisq plawżibbli. Kollha barra wieħed. Hazkizo, it-tifel boċċu, sar Andrea; kellu qattus Juriaano, sar Giuliano; Go, il-kantant tal-Bee Hive li jħobb lil Licia, tgħammed mill-ġdid bħala Mirko; missier Licia, goff, antipatiku u taqbiżlu malajr, oriġinalment Shigemaro Mitamura, semmewh Anacleto Marrabbio.
Imma l-keyboardist tal-band ta’ Mirko, Satomi kien jismu, li bil-Ġappuniż isem ta’ mara jew inkella kunjom. U Satomi baqa’.
Tiftakru kif kienu bdew jinħabbu Mirko u Licia: is-sigla kienet ġa tthielna l-istorja, bl-aktar mod pedantiku u kważi bil-kuċċarina, “un giorno di pioggia/Andrea e Giuliano/incontrano Licia per caso,/poi Mirko finita la pioggia/incontra e si scontra con Licia e così/il dolce sorriso di Licia/nel loro pensiero ora c’è”. Qalb Licia kienet maqsuma bejn Mirko, li kellu nokkli bjondi bi troffa ħamra sproporzjonata, u Satomi, xagħru twil imġiegħed vjola-blu u jagħti lemħa lil Brian May (il-kitarrist tal-Queen, għal min forsi ma jafx min hu).
Tant għamel suċċess dan il-cartoon li s-sena ta’ wara l-Fininvest ħarġu sensiela b’ħadd aktar minn Cristina D’Avena taħdmiha ta’ Licia. Bilfors kellu jkun hekk. Is-suċċess tal-anime fl-Italja x’aktarx kien ġej ukoll mis-sigla kantata minn Cristina u l-interpretazzjoni tagħha: ħelwa manna meta kien hemm bżonn, ironika meta mitluba imma sarkastika qatt; infantili imma qatt vojta jew bla sens, anzi, pjuttost serja, b’xi mod.
F’dak il-punt, però, jien u Arturo u sħabna tal-iskola konna wasalna biex nagħlqu t-tlettax. Bis-serjetà, konna alabiebna għal kollox minn Licia u l-Bee Hive. Aħna u mexjin tul il-corso nsiru nafu ’l dawk ikbar minna, kien jaslilna l-eku mbiegħed tat-televixin mixgħul ta’ ħutna ż-żgħar. Xi ftit xhur wara, jien u Arturo konna morna skejjel differenti, hu mbagħad kien daħal għall-politika mad-Democrazia Cristiana, bħal missieru, u jien skarnajt subgħajja nipprova għalxejn insir vjolinista brava. Jekk tfulitna ntemmet b’Kiss me Licia, il-ħbiberija tagħna ntemmet b’ Love me Licia.
Snin wara, Domenico, li kien l-iskola magħna, mar jistudja l-Bocconi ta’ Milan u wara mar jaħdem mal-Mediaset. Jien ġa kont ili s-snin ngħix Londra, fejn kont abbandunajt kull ambizzjoni artistika u kont ngħallem it-Taljan u nitħallas bis-soldi. Kelli fost l-oħrajn erba’ klijenti Ġappuniżi mejtin bil-ġuħ, imma jħobbu l-opra, u li riedu jifhmu “Là ci darem la mano” u jkantaw “Figaro qua, Figaro là”. Għalhekk, il-mużika baqgħet tippersegwitani filwaqt li kont qed niekol ħażin u nogħlob u nidbiel.
Arturo imma kien ħxien. Madwar l-24 sena magħluqa, wiċċu kien qisu ntefaħ ma nafx x’fatta u spiċċa b’par ħaddejn mimlija, bil-ġilda bilkemm tiflaħhom u appik li jinfaqgħu. Kien tela’ fil-kunsill lokali ma’ xi wieħed mill-partiti li spuntaw mid-DC li kienet spiċċat, imma bħalissa nsejt liema wieħed. Jilbes l-ingravata u jdur b’karozza ta’ kiesaħ. U dejjem għarqan xraba.
Darba minnhom, fil-vakanzi tal-Għid, konna ltqajna jien u Domenico. Kien dħuli immens u feraħ bija ħafna. Jien kont ġejt lura r-raħal wara xhur u xhur tal-griż ta’ Londra, u kienet qisha ħolma. Konna qed induru fiċ-ċentru, u ntfajna qrib mejda fejn kien hemm Arturo u t-tfajla żagħżugħa tiegħu, kuġina ta’ Domenico li x’aktarx fi żmien Kiss me Licia kienet għadha l-kinder. Jien u Arturo konna bilkemm bqajna nsellmu ’l xulxin, imma fl-aħħar spiċċajna poġġejna mal-mejda tagħhom. Għall-ewwel, daqsxejn ta’ mistħija ġenerali minħabba li ħadd ma kellu wisq xi jgħid. Domenico, fost elf ħaġa oħra, qalilna li l-attur li kien jaħdimha ta’ Mirko kien receptionist fejn kien qed jaħdem ħu bħalissa.
Il-bruda bdiet tikka tikka ddub taħt ix-xemx tar-rebbiegħa, u Arturo deher bil-mod il-mod jinbidel. Staqsa lil Domenico kienx jaħdem Palazzo dei Cigni – x’isem tal-ħolm! – proprju fejn konna nibgħatu l-ittri lil Uan. Ħaġa li, ikolli ngħidha, qatt m’għamilniha aħna t-tnejn. “Le, Palazzo Canova qiegħed. Milano 2, xorta,” wieġbu Domenico. Milano 2, għalina isem u tant xbihat marbutin mal-passat tagħna u ma’ Tokjo mpinġija.
“X’tip hu, allura? U xagħru x’kulur hu?” Bdejt nara jfeġġ, f’dak ir-raġel rasu kbira u minfuħ bih innifsu, sieħbi ta’ meta konna tfal, kemm lgħabna flimkien, l-entużjażmu u s-sempliċità tiegħu.
Domenico beda jidħak u qal, “Żgur mhux isfar bit-troffa ħamra. Orrajt ħafna, tifel sew. Fis-sens, ma jħosshiex għax kien Mirko tal-Bee Hive.” U jien u nismagħhom jitkellmu, ħassejt għaddejja bħal mewġa minn fuqi l-ħlewwa kollha tat-tifkiriet ta’ tfuliti.
— Irene Chias, addattat għall-Malti minn Mark Vella