Jien u Arturo

Test ta’ Irene Chias, addattat għall-Malti minn Mark Vella, b’introduzzjoni ta’ Vella

Kevin Cacciattolo għeb fl-1984, waqt il-kwistjoni tal-iskejjel, x’aktarx fil-lejl wara episodju ċelebri tal-cartoon Georgie, Il Segreto Svelato, li l-għada kien xegħel l-iskejjel Maltin u t-tfal ta’ dik l-età, wara li Georgie dehret għarwiena b’dak li kienet taħsbu ħuha jitla’ mnezza’ fuqha biex isaħħanha.

Għal bosta ta’ dik il-ġenerazzjoni, kien il-bidu ta’ tmiem tfulitna, fejn inin l-interess fil-cartoons u mit-tfal jibdew bil-mod il-mod ħerġin nisa u rġiel żgħar. L-istess fl-Italja, il-kittieba Irene Chias u seħibha Arturo lejn dak iż-żmien jibdew jikbru, malli jispiċċa Georgie u jibda Creamy, li ma jħabbathiex miegħu, u bid-dominju assolut ta’ Cristina d’ Avena li tibda tkanta s-sigli kollha tal-cartoons. Fosthom ta’ Kiss Me Licia, għal Chias l-aħħar daqqa tal-mannara lit-tfulija Taljana, (u anki Maltija) kif immarkata mill-cartooons Ġappuniżi maqluba għat-Taljan.

Jien u Arturo

Għall-ewwel kienu Elisabetta Viviani u l-Oliver Onions, almenu għalija u għal Arturo.

Konna nżommu mal-Oliver Onions u l-Oliver Onions rebħu. Sandokan kien aqwa minn Heidi. Mhux għall-karattru qed ngħidu, imma għas-sigla. Minn fost il-protagonisti, konna nxaqilbu kemmxejn lejn Heidi u l-gidien ċkejkna tagħha. Imma fost il-ħbieb tal-qalb, Yanez żgur kien jegħlbu lil Peter, anki jekk Nebbia u n-nannu kienu jirbħulha lil Marianna. Imma issa fuq id-diski tal-cartoons qed nitkellmu.

Fil-bidu, mela, kienu Elisabetta Viviani u l-Oliver Onions, jien u Arturo konna nżommu mal-Oliver Onions u l-Oliver Onions rebħu.

Imbagħad mess lil Cristina D’Avena u i Cavalieri del Re. Jien u Arturo konna nżommu ma’ i Cavalieri del Re, imma did-darba rebħet Cristina D’Avena. U kaxkret kollox.

Magħha kellha l-Puffi, kull xorta ta’ nanu daqni u bil-kappell ġej għall-ponta, u sensiela sħiħa ta’ sħaħar gustużi wisq aktar faqa’ minn Stilly e lo specchio magico.

Magħha kellha wkoll il-cartoon li mmarkalna tmiem tfulitna.

Malajr irrassenjajna ruħna għalih, is-sigla li issa kont sirt tismagħha kullimkien, u spiss konna nsibu ruħna nkantaw “paripampù” flok “lady dal fiocco blu” Orzowei ġa kienet tifikira mċajpra.

B’xorti tajba, meta Cristina D’Avena reġgħet ħarġet is-sigla ta’ Candy Candy, jien u Arturo konna ġa kbar wisq biex niħduha bi kbira: tfulitna, bħal ma konna qed ngħidu, kienet ġa spiċċat. U t-tmiem tagħha tikka tikka, kien akkumpanjah Kiss me Licia.

Sena domna biex kbirna. Konna s-sekondarja, bejn Kiss me Licia u Love me Licia. Kienu biżżejjed ftit xhur biex l-aħħar sigla tal-cartoons ma baqgħetx iġġib magħha d-dwejjaq kollu tad-dlam tas-serati xitwin u xebgħa homework li għad irid isir. Issa d-dwejjaq u l-inkwiet kienu affarijiet oħra, u minn Mirko, Satomi u Marrabbio konna niġu altament alabiebna.

Imma rridu nitkellmu dwar Kiss me Licia u Love me Licia, għaliex immarkaw mument importanti ta’ għarfien f’ħajjitna.

Licia kien l-isem Taljan li ngħata lil Yaeko Mitamura magħrufa bħala Yakko, il-karattru prinċipali ta’ manga ambjentat Osaka u tal-anime li ġie warajh ambjentat Tokjo.

L-ismijiet oriġinali kollha tal-cartoon kienu nqalbu għat-Taljan b’mod ftit jew wisq plawżibbli. Kollha barra wieħed. Hazkizo, it-tifel boċċu, sar Andrea; kellu qattus Juriaano, sar Giuliano; Go, il-kantant tal-Bee Hive li jħobb lil Licia, tgħammed mill-ġdid bħala Mirko; missier Licia, goff, antipatiku u taqbiżlu malajr, oriġinalment Shigemaro Mitamura, semmewh Anacleto Marrabbio.

Imma l-keyboardist tal-band ta’ Mirko, Satomi kien jismu, li bil-Ġappuniż isem ta’ mara jew inkella kunjom. U Satomi baqa’.

Tiftakru kif kienu bdew jinħabbu Mirko u Licia: is-sigla kienet ġa tthielna l-istorja, bl-aktar mod pedantiku u kważi bil-kuċċarina, “un giorno di pioggia/Andrea e Giuliano/incontrano Licia per caso,/poi Mirko finita la pioggia/incontra e si scontra con Licia e così/il dolce sorriso di Licia/nel loro pensiero ora c’è”. Qalb Licia kienet maqsuma bejn Mirko, li kellu nokkli bjondi bi troffa ħamra sproporzjonata, u Satomi, xagħru twil imġiegħed vjola-blu u jagħti lemħa lil Brian May (il-kitarrist tal-Queen, għal min forsi ma jafx min hu).

Tant għamel suċċess dan il-cartoon li s-sena ta’ wara l-Fininvest ħarġu sensiela b’ħadd aktar minn Cristina D’Avena taħdmiha ta’ Licia. Bilfors kellu jkun hekk. Is-suċċess tal-anime fl-Italja x’aktarx kien ġej ukoll mis-sigla kantata minn Cristina u l-interpretazzjoni tagħha: ħelwa manna meta kien hemm bżonn, ironika meta mitluba imma sarkastika qatt; infantili imma qatt vojta jew bla sens, anzi, pjuttost serja, b’xi mod.

F’dak il-punt, però, jien u Arturo u sħabna tal-iskola konna wasalna biex nagħlqu t-tlettax. Bis-serjetà, konna alabiebna għal kollox minn Licia u l-Bee Hive. Aħna u mexjin tul il-corso nsiru nafu ’l dawk ikbar minna, kien jaslilna l-eku mbiegħed tat-televixin mixgħul ta’ ħutna ż-żgħar. Xi ftit xhur wara, jien u Arturo konna morna skejjel differenti, hu mbagħad kien daħal għall-politika mad-Democrazia Cristiana, bħal missieru, u jien skarnajt subgħajja nipprova għalxejn insir vjolinista brava. Jekk tfulitna ntemmet b’Kiss me Licia, il-ħbiberija tagħna ntemmet b’ Love me Licia.

Snin wara, Domenico, li kien l-iskola magħna, mar jistudja l-Bocconi ta’ Milan u wara mar jaħdem mal-Mediaset. Jien ġa kont ili s-snin ngħix Londra, fejn kont abbandunajt kull ambizzjoni artistika u kont ngħallem it-Taljan u nitħallas bis-soldi. Kelli fost l-oħrajn erba’ klijenti Ġappuniżi mejtin bil-ġuħ, imma jħobbu l-opra, u li riedu jifhmu “Là ci darem la mano” u jkantaw “Figaro qua, Figaro là”. Għalhekk, il-mużika baqgħet tippersegwitani filwaqt li kont qed niekol ħażin u nogħlob u nidbiel.

 

Arturo imma kien ħxien. Madwar l-24 sena magħluqa, wiċċu kien qisu ntefaħ ma nafx x’fatta u spiċċa b’par ħaddejn mimlija, bil-ġilda bilkemm tiflaħhom u appik li jinfaqgħu. Kien tela’ fil-kunsill lokali ma’ xi wieħed mill-partiti li spuntaw mid-DC li kienet spiċċat, imma bħalissa nsejt liema wieħed. Jilbes l-ingravata u jdur b’karozza ta’ kiesaħ. U dejjem għarqan xraba.

Darba minnhom, fil-vakanzi tal-Għid, konna ltqajna jien u Domenico. Kien dħuli immens u feraħ bija ħafna. Jien kont ġejt lura r-raħal wara xhur u xhur tal-griż ta’ Londra, u kienet qisha ħolma. Konna qed induru fiċ-ċentru, u ntfajna qrib mejda fejn kien hemm Arturo u t-tfajla żagħżugħa tiegħu, kuġina ta’ Domenico li x’aktarx fi żmien Kiss me Licia kienet għadha l-kinder. Jien u Arturo konna bilkemm bqajna nsellmu ’l xulxin, imma fl-aħħar spiċċajna poġġejna mal-mejda tagħhom. Għall-ewwel, daqsxejn ta’ mistħija ġenerali minħabba li ħadd ma kellu wisq xi jgħid. Domenico, fost elf ħaġa oħra, qalilna li l-attur li kien jaħdimha ta’ Mirko kien receptionist fejn kien qed jaħdem ħu bħalissa.

Il-bruda bdiet tikka tikka ddub taħt ix-xemx tar-rebbiegħa, u Arturo deher bil-mod il-mod jinbidel. Staqsa lil Domenico kienx jaħdem Palazzo dei Cigni – x’isem tal-ħolm! – proprju fejn konna nibgħatu l-ittri lil Uan. Ħaġa li, ikolli ngħidha, qatt m’għamilniha aħna t-tnejn. “Le, Palazzo Canova qiegħed. Milano 2, xorta,” wieġbu Domenico. Milano 2, għalina isem u tant xbihat marbutin mal-passat tagħna u ma’ Tokjo mpinġija.

“X’tip hu, allura? U xagħru x’kulur hu?” Bdejt nara jfeġġ, f’dak ir-raġel rasu kbira u minfuħ bih innifsu, sieħbi ta’ meta konna tfal, kemm lgħabna flimkien, l-entużjażmu u s-sempliċità tiegħu.

Domenico beda jidħak u qal, “Żgur mhux isfar bit-troffa ħamra. Orrajt ħafna, tifel sew. Fis-sens, ma jħosshiex għax kien Mirko tal-Bee Hive.” U jien u nismagħhom jitkellmu, ħassejt għaddejja bħal mewġa minn fuqi l-ħlewwa kollha tat-tifkiriet ta’ tfuliti.

— Irene Chias, addattat għall-Malti minn Mark Vella