Ir-rivoluzzjoni tal-Immarkati

IMG_1894

L-2007. Fil-posta tal-Merlin jasal manuskritt differenti ħafna mit-tip ta’ kotba għat-tfal li kienu joħorġu dak iż-żmien. Ktieb ta’ fantasija, b’sieq fid-dinja reali u kontemporanja – ambjentat il-Mosta, bit-tfal jilagħbu bil-PlayStation u jgħixu kif ngħixu lkoll – u sieq oħra f’dinja maġika, straordinarji tal-Immarkati – kreaturi nofshom umani nofshom annimali.

Dan ir-rumanz għadda biex sar l-ewwel wieħed fi triloġija li kisret kull rekord tal-kotba għat-tfal bil-Malti. L-aktar kotba li bigħu kopji fi żmien qasir, sa elf kopja tat-tielet ktieb pre-booked qabel biss ħareġ. L-ewwel kotba għat-tfal li għalihom saru tnedijiet teatrali, performattivi bl-għajnuna tal-grupp Aleateia. L-ewwel darba li triloġija bil-Malti rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għal kull wieħed mit-tliet kotba.

Din kienet it-triloġija tal-Fiddien. Sqaq l-InfernWied Wirdien u Il-Ġnien tad-Dmugħ.

Kienet l-ewwel kollaborazzjoni tal-Merlin mal-awturi ta’ dit-triloġija, Simon Bartolo u Loranne Vella  It-tim li nibet – Simon u Loranne, il-Merlin u Lisa Falzon l-illustratriċi – ħoloq kotba li bidlu d-direzzjoni tal-ktieb bil-Malti għat-tfal. Id-disinn kemm tal-qoxra kemm id-dettalji kollha ta’ ġewwa, mill-flick-through li ħolqot Falzon fuq kull paġna sal-ħafna ġawhriet imferrxa tul il-ktieb, kien xi ħaġa li Malta qatt ma konna għadna rajna bħalha.

IMG_1888

U kienet ukoll waħda mill-ewwel drabi li ktieb għat-tfal bil-Malti kellu sit – imtella’ u mħaddem mill-awturi – dedikat għat-triloġija.

Illum, tnax-il sena wara, it-triloġija għadha popolari issa ma’ ġenerazzjoni ġdida ta’ tfal, tant li dil-ġimgħa Sqaq l-Infern għadu kif ġie rristampat mill-ġdid, xhieda tas-suċċess li għadu jgawdi fost il-qarrejja.

Waqt li lkoll għaddejjin bi proġetti ġodda, kollha eċitanti u diversi, tajjeb li kultant nieqfu minuta biex nagħtu ġieħ kotba, bħal Sqaq l-Infern, li biddlu x-xena letterarja għat-tfal hawn Malta u li tlettax-il sena wara għadhom fuq livelli tali ta’ popolarità li jimmeritaw ristampa.

Prosit Simon u Loranne!

IMG_1850