Tant qed ikun suċċess bla mistenni l-ktieb ġdid ta’ Sergio Grech, U tisbaħ missier …, li morna nistaqsu direttament lil Sergio għar-reazzjonijiet tiegħu dwar dan is-suċċess. U hawn il-kummenti tiegħu:
Mhux f’sens ta’ ftaħir imma U tisbaħ missier … li qed nippubblika mal-Merlin Publishers mhux l-ewwel ktieb tiegħi. Għalkemm, ngħidha mill-ewwel, l-eċitament ta’ ktieb ġdid dejjem jibqa’ hemm. Anzi. Iktar ma jgħaddi żmien iktar jikber u ġieli nkun f’xifer!
Fil-fatt U tisbaħ missier … hu s-17-il ktieb tiegħi jekk qed ngħodd sew. Imma jkolli nammetti li dal-ktieb ġab ċertu entużjażmu differenti minn ħutu l-oħrajn. Jista’ jkun li s-social media bla ma ntbaħt biżżejjed biddlet għalkollox il-mod ta’ kif tmexxi u tbiegħ ktieb.
Skantajt kif sakemm qed nikteb baqgħu jidhru kummenti u reċensjonijiet fuq Facebook jum wara jum, kuljum, minn nies li bla ma jieħdu għalihom, għalkemm iħobbu jaqraw bla dubju, qatt ma kitbu dwar il-preferenzi tagħhom fil-qasam tal-ktieb b’mod daqshekk miftuħ.

Biex niftaħar ftit, kelli kotba ta’ riċerka li biegħu numri tajbin ħafna għal Malta u m’iniex nesaġera jew nipprova nagħmel punt favur tiegħi meta ngħid hekk għax is-suq Malti nafu sew issa. Biss biss ippubblikajt l-ewwel ktieb fis-sena 2004. Imma donnu nasal biex ngħid li dal-ktieb daqq korda.
Mess il-qlub.
Qabad ma’ suġġett popolari. It-tfal. Il-familja. Il-praspar li jiġru fil-familji tagħna. Id-diskors tat-tfal li xi drabi jitfik u xi drabi javvelik. Xi nikta wkoll ma tonqosx fil-familja. Xi avventura waqt safra.
Terġa’ u tgħid, il-ktieb mar tajjeb anki minkejja li kulma fih mhux mistħajjel. Seħħ veru. Oriġinarjament, jien kelli f’moħħi li niġbor dawk l-episodji li kont nitfa’ Facebook, imma Chris tani sfida ikbar. U ħareġ dan li għandkom f’idejkom.
Dan ma kienx rumanz u sa ċertu punt kont xi ftit inkwitat għall-pubblikatur li kien qed jitfa’ flusu fuqu. Inutli noħolmu li l-ktieb hu espressjoni artistika. Il-ktieb irid jimxi inkella jkun diżastru għall-pubblikatur.
Naħseb kif qalli ħabib, il-ktieb offra wkoll alternattiva fil-pandemija li ma tridx tħallina kwieti. Speċi ta’ serħan ’il bogħod minn dawn in-numri dejjem telgħin u ħadd ma jagħti kas.

Jien nemmen li l-ktieb hu ideali għall-qari fis-sajf. Tista’ tieħdu miegħek ħdejn il-baħar. Fejn trid, fl-aħħar mill-aħħar. Mhux se jtaqqlek żgur. Nittama biss li jferrħek u forsi xi kultant inissillek demgħa — bħal meta tlift lit-tifel f’fun park.
Il-ktieb illum m’għadux tiegħi u naħseb li mar tajjeb għax ħafna f’dawn l-istejjer raw lil uliedhom … raw lilhom infushom.
Grazzi Chris li emmint fil-proġett. U grazzi lilek li se titħajjar tixtrih u grazzi lilek li xtrajtu.
Fuq livell personali, huwa wkoll il-bidu ta’ kollaborazzjoni ma’ dar ewlenija f’Malta li nirringrazzjaha tal-laqgħa sabiħa li tatni.
Dan se jibqa’ ktieb ma’ qalbi. Tifhmuni naħseb …
Sergio Grech huwa awtur, riċerkatur, għalliem u personalità radjofonika … u missier. U tisbaħ missier … huwa l-ewwel ktieb tiegħu mal-Merlin.