Derek Fenech

Derek Fenech huwa illustratur li mindu kien tifel żgħir ma waqafx iħarbex annimali maġiċi, umani speċjali u artijiet u dinjiet. Sfortunatament kiber, imma skopra b’ferħ kbir li l-maġija ma kinitx telqitu u li kienet dejjem lesta biex tgħin lill-kittieba u l-illustraturi jirrakkontaw l-istejjer tagħhom. Darba ġara wkoll li umani oħrajn bħalu tant kienu kuntenti b’dil-maġija li tawh il-premju ta’ Illustratur tas-Sena 2010. Kien fis-seba’ sema. Meta ma jkunx qed ipinġi, Derek jiddisinja l-affarijiet, isajjar, iġemma’ t-tipografija antika (“tipografija” – kelma tqila biex tfisser ittri tal-alfabett) u jittrasforma ruħu f’pirata maż-żewġ uliedu u martu.