Il-libsa l-ġdida ta’ Fra Mudest

IMG_1548

Jekk hemm karattru ikoniku ma’ ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ tfal Maltin, żgur huwa Fra Mudest. Min minna ma jiftakrux jaqra xi storja minn tiegħu, meta konna żgħar l-iskola jew id-dar?

Biss biss, il-Fra “twieled” fl-1967 mill-pinna ta’ Charles Casha, u fl-1971 kien l-ewwel ktieb bil-Malti għat-tfal li qatt ġie ppubblikat.

IMG_1552

Imma s’issa, bejn minħabba li l-istejjer tiegħu huma miġbura f’antoloġiji ta’ ’l fuq minn 20 storja kull ktieb, u bejn għax huma stampati b’tipa xi ftit ċkejkna u anki għax – sfortunatament – il-livell tal-qari bil-Malti naqas meta mqabbel ma’ 40 sena ilu, it-tfal iż-żgħar ma kellhomx aċċess għall-istejjer ta’ Fra Mudest.

Ghalhekk aħna veru eċitati b’dis-sensiela ġdida fjamanta: għall-ewwel darba, qed inwasslu l-karattru ikoniku ta’ Fra Mudest lil età iżgħar, anki minn 7 snin ’il fuq. Kull ktieb fih storja waħda, bit-test simplifikat mill-awtur stess u stampat b’tipa kbira u aċċessibbli.

Intużat ukoll font apposta b’leġġibbiltà faċli, maħsuba li tkun ta’ għajnuna għal tfal bid-dislessja kif ukoll għal min jeħtieġ ftit għajnuna biex jaqra bil-Malti.

Il-karta wkoll hija karta fuq is-safrani, li r-riċerka turi li tgħin biex tnaqqas il-kuntrast tat-tipa sewda fuq karta bajda u tiffaċilita l-qari.

IMG_1550

Il-viżwal ukoll ġie aġġornat – hawn qed nintroduċu l-illustrazzjonijiet ta’ Deandra Scicluna, li filwaqt li żammet l-atmosfera retro tal-perjodu li fih inkiteb Fra Mudest, tat libsa ġdida u aġġornata lill-ambjentazzjoni u l-karattri. Persważi li t-tfal tal-ġenerazzjoni tal-lum se jidentifikaw u jidħqu flimkien mal-Fra!

IMG_1549

Dan, naturalment, huwa l-ewwel ktieb fis-sensiela. Jiġifieri nittamaw li lit-tfal iż-żgħar se jogħġobhom dan il-Fra “aġġornat” u narawkom bl-istejjer li jmiss ta’ Fra Mudest!

Fra Mudest u l-Figolla tal-Pirjol issibuh fil-ħwienet tal-kotba kollha, u tistgħu wkoll tixtruh online minn hawn u jaslilkom fil-kumdità ta’ darkom. Pustaġġ lejn Malta u Għawdex b’xejn.