Kburin immens li l-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura, għall-aħjar awtur emerġenti, dis-sena ntrebaħ minn awtriċi li tippubblika mal-Merlin. U onorati li Lara Calleja aċċettat li tibbloggja hawn dwar dil-esperjenza li qed tgħix:
Il-ġimgħa l-oħra rbaħt il-Premju. Ma kontx qed nistennieha; la n-nomina u lanqas ir-rebħa. Imma wara li għaddew naqa ġranet ta’ estasi u inkredulità, iddeċidejt li nemmen — iva Lara, irbaħt il-premju tal-EUPL għal Malta. Wara ħafna ġranet, irnexxieli nikkumplimenta lili nnifsi u naċċetta l-mistħoqqijiet li esprima ħaddieħor.
Xi tfisser il-kitba inġenerali għalija? Jekk temmen f’dawk li forsi jissejħu ċuċati, fil-quċċija ommi tgħidli li l-affarijiet li qbadt l-ewwel b’idi kienu proprju pinna u djarju fejn tikteb. Kumbinazzjoni? Ħeqq, kollox jista’ jkun. Imbagħad ta’ età bikrija, ħabba sitwazzjonijiet li ma kellix kontroll fuqhom, kont inħossni ġġudikata u mhux mifhuma mid-dinja ta’ madwari. Għalhekk kien proprju fil-kotba u fl-istejjer fantastiċi fejn kont insib is-serħan. Id-dinja fil-paġni kienet twessa’ l-immaġinazzjoni, fejn inħoss kelli finalment kontroll fuq affarijiet li fil-ħajja normali kont inħossni m’għandix.
Fid-dinja fantastika kelli l-ġwienaħ u kont intir ’il bogħod; kelli kastelli qalb medda ta’ siġar fejn ħadd ma kien jiġi ħlief in-nies li rrid jien biss; u kelli l-poteri maġiċi fejn stajt insewwi lid-dinja mill-kattiverja kollha. Fil-kotba sibt is-serħan għax sibt soluzzjoni fl-immaġinazzjoni. Imma kif jaf kulħadd, fl-ikbar immaġinazzjonijiet, hemm ankrati realtajiet kbar, li xi kultant iweġġgħu wisq biex titkellem dritt dwarhom.

Bdejt nikber, u minfok naħrab tgħallimt nirrabja, u mill-istess rabja bnejt l-istess kastelli li ħlomt bihom, fejn sibt mezz ġdid ta’ kontroll. Ir-rabja kienet is-saħħa li kelli bżonn biex nemmen fija nnifsi. Bl-istess rabja bdejt l-ewwel kitbiet tiegħi. L-ewwel poeżiji u l-ewwel tentattivi ta’ stejjer. Ma kinux kitbiet eċċellenti, imma kont ixxurtjata li lin-nies li bgħatthom, raw potenzjal fihom u dejjem ħeġġewni nkompli nikteb. Nies bħal Ċali Grima, Immanuel Mifsud u bħal Alex Vella Gera – li kienu kruċjali biex nemmen ftit fija nnifsi fl-ewwel passi bikrija tiegħi lejn il-kitba.
Biex finalment, meta bgħatt l-ewwel manuskritt lill-Merlin — manuskritt li kien ferm inqas ambizzjuż mill-aħħar verzjoni, fejn grazzi għat-tmexxija ta’ Clare Azzopardi tfasslet kitba aħjar — tħejjiet l-ewwel pubblikazzjoni uffiċjali tiegħi Lucy Min?
Illum il-kitba għallmitni iktar ir-rassenjazzjoni u tatni lenti ġdida ta’ kif ninkorpora d-dinja ta’ barra ma’ dak li hemm ġo fija – xi tip ta’ paċi, kompromess u oġġettività. U f’dak l-ispazju d-dinja ta’ barra dejjem tikber, u nittama li l-kitba tikber magħha.
Fil-ktieb Kissirtu kullimkien inkorporajt stejjer ta’ nies ta’ kuljum, ta’ nies fittizji imma li jirrappreżentaw biċċiet fost għoqda ta’ nies li kelli ċ-ċans niltaqa’ magħhom jew nosserva. Huma, l-istejjer tagħhom u r-realtajiet politiċi bħall-kostruzzjoni eċċessiva u n-nuqqas ta’ ġustizzja soċjali li jaffaċċjaw kuljum.

Finalment, xi jfisser għalija dan il-premju? Dan il-premju jfisser li l-kitba qed tħalli impatt. Ifisser ukoll motivazzjoni biex il-proċess tal-kitba tiegħi dejjem jitwessa’ b’tagħlim ġdid u kontinwu.
Lara Calleja hija l-awtriċi ta’ Lucy Min? u Kissirtu kullimkien, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-Aqwa Awtriċi Emerġenti, u issa rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura 2021
Iż-żewġ kotba ta’ Calleja jinsabu kemm bħala kotba stampati, kif ukoll bħala ebooks