Il-kitba, iż-żfin u Toni Morrison …

Wara l-interess qawwi li qajmet l-ewwel bloggata tagħha, Nadia Mifsud tissokta bil-konverżazzjoni mal-qarrejja fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni ta’ Żifna f’xifer irdum:

Fl-aħħar bloggata għalaqt bl-idea li r-relazzjoni mal-qarrejja nħossha tieħu xejra ta’ żifna ladarba ktieb minn tiegħi jkun wasal f’idejhom. L-istess ħsieb jinsab fir-riċensjoni li kiteb m’ilux Jean Paul Borg fuq Żifna f’xifer irdum. U minkejja li ili snin naf lil Jean u naħdem miegħu f’Inizjamed, nista’ nassigurakom li qatt ma konna tkellimna fuq ir-relazzjoni bejn il-kitba u ż-żfin. Illum nixtieq nespandi ftit fuq din l-idea …

Nistħajjilkom tgħiduli: Donnok tħobbu ż-żfin – fit-titlu tal-ġabra tidher il-kelma “żifna”, u issa qed terga’ ssemmi ż-żfin. Iva, iż-żfin inħobbu ħafna (meta kont żgħira kont noħlom li nsir żeffiena), u għalkemm żeffiena prima żgur m’iniex, naħseb nista’ ngħid li xejn ma jisboq żifna tajba meta kollox madwari jibda bħal jiċċajpar u/jew jinħass tqil.

L-idea tal-qarrejja bħala ko-awturi mhijiex waħda ġdida, u konvinta li bosta minnkom ġa ltqajtu magħha, speċjalment jekk intom midħla tal-kritika letterarja. Għax ngħiduha kif inhi, jista’ jkollok l-ifjen test, imma jekk ħadd ma jaqrah ħlief il-persuna li tkun kitbitu, żgur li tkun qed tintilef tal-inqas biċċa mill-valur tiegħu.

Toni Morrison – l-għażiża Toni Morrison, għandi aptit ngħid, tant hija kbira l-ammirazzjoni li nħoss lejha u lejn ix-xoghlijiet tagħha – spiss kienet titkellem fuq il-ħtieġa li l-qarrejja jkunu attivi. F’waħda mill-intervisti tagħha, tgħid hekk: “let the reader enter with his or her imagination … that makes us co-inspirators, as it were …” Togħġobni wisq dil-kelma li tuża, forsi għax hija qrib ħafna ta’ “conspirators” u hemm xi ħaġa affaxxinanti fix-xbieha tal-kittieba (kważi) jikkonfoffaw mal-qarrejja.

(Għal darb’oħra se niftaħ parentesi, din id-darba fuq Toni Morrison. Dan li ġej se niktbu mhux b’xi forma ta’ ftaħir, imma sempliċement għax nixtieq naqsam tifkira sabiħa magħkom. F’Novembru tal-2006 Toni Morrison kienet ġiet Lyon. Dak iż-żmien kienet ġa waħda mill-kittieba favoriti tiegħi, allura tistgħu tobsru l-ġenn li ħakimni meta sirt naf li kienet se tieħu sehem f’taħdita mhux wisq ’il bogħod minn fejn noqgħod. Meta wasalna, sħabi u jien, insibu folla tistenna barra l-bini – apparti dawk li kienu bbukkjaw, kien hemm partita nies jitkarrbu biex jitħallew jidħlu. U forsi għax l-organizzaturi kienu konxji li serata bħal din kienet okkażjoni ta’ darba f’mitt qamar, iddeċidew li jagħlqu għajn (probabbli anki tnejn) u aċċettaw li jdaħħlu numru ikbar ta’ nies milli kienu ippjanaw. (Dak iż-żmien l-idea ta’ pandemija bħalma hi l-Covid ’qas biss kienet tgħaddilna minn moħħna.) Is-sala ma kinitx xi waħda kbira ħafna, u nassigurakom li ’qas kien hemm post fejn toqgħod ras ta’ labra. Irjus bil-gzuz, għenieqi jiġġebbdu, spalel imissu, nies bilqiegħda mal-art bejn filliera u oħra tas-siġġijiet … Għagħa. Sakemm daħlet Toni Morrison … Imbagħad, f’daqqa, f’temp ta’ nofs sekonda, skiet perfett. U kif poġġiet bilqiegħda, ċapċipa kbira li riegħdet is-sala. Imbagħad, mill-ġdid, silenzju taqtgħu b’sikkina hekk kif Toni Morrison bdiet titkellem. Lil Toni Morrison dejjem sibtha ġeneruża ħafna fid-diskors tagħha. Dakinhar, il-ġenerożità tagħha ħarġet mhux biss waqt l-intervista, iżda anki wara. Minkejja l-għeja li wieħed seta’ faċilment jaqra fuq wiċċha (kienet għadha kif waslet minn Pariġi), baqgħet baqgħet sa ma kkuntentat lil dawk kollha li wara t-taħdita nġabru f’serbut twil jittamaw li tiffirmalhom ktieb. Ma kienx hemm persuna waħda f’dak is-serbut nies li ma ħaditx lura d-dar magħha, flimkien mal-firma, it-tbissima (kultant imqarba) ta’ Toni Morrison.)

Jekk qrajtu Żifna f’xifer irdum, u forsi wkoll Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa, probabbli nnutajtu li kultant nippreferi nħalli ċerti karattri bla isem. Għandi ħabta ma nagħtix deskrizzjoni ta’ kif il-karattri jidhru fiżikament. Ġieli t-tmiem jibqa’ ambigwu, jew ħa, mhux definit għal kollox. Inħobb ukoll nilgħab ċertu “logħob” mal-qarrejja … F’Rota (hekk insejħulu Chris Gruppetta u jien meta nsemmuh bejnietna), kien hemm il-famużi numri flok titli tal-kapitli (min jaf kemm nies staqsewni xi jfissru u ħallejthom bla tweġiba, mhux b’inkejja – għalkemm min jafni sew jgħidilkom li kultant naf inkun il-veru nkejjuża 😉 – imma għax xtaqt li jaslu għat-tweġiba waħedhom). F’Żifna, kull storja hija marbuta b’xi mod ma’ storja/stejjer oħra fl-istess ġabra, imma mhux se ngħidilkom kif, għax dak huwa xogħolkom (għal min ma jafnix, jien ngħallem ukoll, allura din li nagħti l-HW tista’ tgħid li hija kważi istint 😉). Bħala kittieba, huwa importanti għalija li nħalli lill-qarrejja fil-libertà li jibnu huma parti min-narrattiva, li jpinġu lill-karattri kif jidher lilhom.

Hawnhekk se mmur lura għall-idea taż-żifna. Test ippubblikat huwa bħal stedina. Meta persuna tiftaħ ktieb tkun qed tilqa’ dik l-istedina, tkun qed taċċetta li l-kittieb/a jżeffnuha. Kull biċċa kitba (kemm jekk proża, kemm jekk poeżija), bħal kull żifna, għandha r-ritmu tagħha. Kultant ir-ritmu jaf ikun mgħaġġel sew, tant li jħallik bla nifs (iżda dik parti mis-sbuħija, hux?); drabi oħra r-ritmu jaf ikun imrażżan, taf tinħoloq ċerta intimità, forsi anki ċerta skumdità. Fuq kollox, tista’ tiżfen fuq l-istess biċċa mużika ma nafx kemm-il darba, imma ċ-ċans hu li l-ebda żifna ma tista’ qatt tkun eżatt bħal oħra. Mhijiex biss kwistjoni ta’ ma’ min tkun qed tiżfen, kultant hija wkoll kwistjoni ta’ burdata, ta’ konċentrazzjoni, ta’ xi jkun għaddej mingħalina u fil-madwar. Kultant titfixkel f’saqajk stess, imma ħeqq, ħadd mhu perfett, u b’daqshekk ma jkun ġara xejn, le 😉?

Nadia Mifsud hija l-awtriċi ta’ Żifna f’xifer irdum, il-ġabra ġdida tagħha ta’ stejjer qosra. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra waħda mill-istejjer mill-ktieb, taħt it-tab “Excerpt”.

Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Ahmad Odeh fuq Unsplash