Il-ħin tal-awturi prezzjuż ukoll

— bloggata ta’ Antoinette Borg

Bħala awtriċi li ngħaddi minn esperjenzi simili, nifhem u naqbel perfettament mas-sentimenti li esprimiet Leanne Ellul dan l-aħħar fl-artiklu fit-Times of Malta “Why are authors expected to work for free?” u fil-verżjoni bil-Malti “Daqs tazz’ilma” f’dan is-sit. Naf sew kemm hu diffiċli tibbilanċja l-passjoni għall-kitba mar-realtajiet qarsa ta’ tip ta’ xogħol li, għalkemm ġeneralment apprezzat mill-pubbliku, is-soċjetà ma tivvalorizzahx u ma tikkompensahx kif jixraq. Bħal donnha taħseb li l-awtur kapaċi jgħix biss bil-prosit.

Mela għaliex (tlaqt karriera biex) nikteb? nistaqsi lili nnifsi ta’ spiss. Għax dak il-vjaġġ kreattiv, minn xħin titkebbes l-ewwel xrara ta’ idea sa ma tasal għall-pubblikazzjoni, jippompja adrenalina fil-vini madwar ġismi daqslikieku kont ix-xabbatur li mill-bażi tal-Everest jaqtagħha li b’xi mod jew ieħor jirfsilha l-quċċata. Li tixxabbat ma’ xogħol ta’ kitba huwa vjaġġ twil u iebes, mimli b’mumenti ta’ qtigħ il-qalb u frustrazzjoni, imma oħrajn eżilaranti u eċitanti li jġegħluk tkompli. Ħdejk ikun hemm it-tim tal-pubblikazzjoni, bħal sherpa ddedikat, jagħtik is-sostenn u jinkoraġġik tasal. Ma’ kull pass, tara ħsibijietek jimmaterjalizzaw fil-forma ta’ kliem fuq skrin, kultant titfixkel u titgerbeb biċċa lura, imma dejjem u l-ħin kollu toħlom bil-mument li tmidd saqajk fuq il-quċċata bi ktieb stampat fuq paliet idejk. U jekk, hemm fuq, issib ġgajta qarrejja jifirħu miegħek, jgħolluk iktar fil-għoli milli tkun ixxabbatt.

Hi l-passjoni li ġġegħelna nkomplu niktbu minkejja n-nuqqas ta’ ħlas xieraq.

Konxja u nifhem li, anke fi swieq ferm ikbar minn tagħna, diffiċli li awtur ikun ikkumpensat għal dan ix-xogħol siegħa b’siegħa. Nifhem ir-realtajiet tas-suq tal-pubblikazzjoni (almenu ħafna minnhom) u hija deċiżjoni konxja li nagħżel li nagħmel dan ix-xogħol minkejja li naf li ma jrendix kumpens materjali ġust.

Li jsewwidli qalbi l-iktar huwa li – sopra corna bastonate – l-awturi mistennija li, ladarba jippubblikaw il-kotba, jagħmlu kwalunkwe xogħol relatat mingħajr ħlas. Probabbli l-aktar li jaffaċċjaw minn dawn l-aspettattivi huma l-awturi fostna li jiktbu għat-tfal, hekk kif ta’ kull sena jiġu mistiedna minn lista dejjem itwal ta’ skejjel biex jagħmlu taħditiet, preżentazzjonijiet jew workshops mal-istudenti tagħhom.

Nibda bil-premessa li huwa ta’ pjaċir u privileġġ kbir għalija li niltaqa’ ma’ qarrejja tfal u żgħażagħ, nesperjenza l-entużjażmu u l-enerġija tagħhom, u – nittama – nispirahom jersqu eqreb u jitħabbu mal-qari bil-Malti. Kull stedina minn dawn nilqagħha bil-ferħa u mmur bil-qalb kollha – u l-hena tiegħi ndur skejjel madwar il-gżejjer kollha, ibda minn Ħal Kirkop u spiċċa fir-Rabat Għawdex.

Kif semmiet tajjeb Leanne Ellul fl-artikli tagħha, ġieli tmur fi skola u tħossok verament milqugħa. Addirittura ġieli tiġi ttrattata bħallikieku kont xi ċelebrità. Imma mbagħad ġieli tħossok qisek daħħluk feles fit-timetable tal-ġurnata. Qisek qed isservi ta’ tapp biex timla s-siegħa ta’ qabel il-brejk. Qisek ġejt mistiedna biex taqta’ waħda mit-to-do-list tas-sena skolastika. U oħroġ il-għaġeb, jew anzi toħroġ xejn, l-iskejjel fejn tiġi milqugħa bl-akbar entużjażmu huma proprju dawk li jippreżentawlek studenti bl-akbar ħeġġa u interess. U viċe versa.

Ritratt ta’ Sam Balye fuq Unsplash

Imbagħad, b’mod speċjali wara l-esperjenzi inqas sbieħ, jien u nsuq lura lejn id-dar, niftakar li din kienet żjara waħda minn ħafna, li għaliha ddedikajt sigħat/nofstanhari/ ġranet sħaħ nipprepara, nivvjaġġa u nwassal, u (li ma kienx għall-pubblikatur tiegħi li ġenerożament joffri kummissjoni żgħira fuq il-kotba li jkunu nbiegħu) il-but lanqas ikun tħarrek. Anzi le, ikun tħarrek biex jiżvojta iktar bl-ispejjeż tal-karozza u tal-ħin – ċjoè ħin li forsi stajt niddedika għal xi biċċa xogħol li setgħet trendi xi ħaġa. Jew ħin misruq mill-kitba tal-ktieb li jmiss, u li allura se jkolli ndum ftit iktar biex inlestih.

Bħallikieku l-ħin tal-awturi mhux prezzjuż daqs ta’ ħaddieħor.

Allura? X’se nagħmlu?

Tul l-aħħar snin il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb nieda u mexxa diversi inizjattivi li jgħinu biex ix-xogħol letterarju jkun iktar apprezzat u vvalorizzat, speċjalment fil-kuntest ta’ suq daqs naqra li jkompli jgħarraq kull ħsieb li dan is-settur jista’ qatt isir sostenibbli. Mill-perspettiva tal-awtur, għajnuniet permezz tal-Fond Malti tal-Ktieb u s-sistema tal-Public Lending Rights itaffu xi ftit.

Madankollu, għad jista’ jsir ħafna biex l-awturi jibdew igawdu rispett bħala professjonisti li, jekk toqgħod tqis, jagħmlu xogħol importanti ferm fil-kuntest tal-iżvilupp kulturali tal-pajjiż.

Hekk kif il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għadu kif nieda pjan u qed jikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex ifassal l-istrateġija tiegħu għall-ħames snin li ġejjin, forsi issa hu ż-żmien opportun biex jitqajjem għarfien u jibdew jiġu indirizzati d-diffikultajiet partikolari tal-awturi.

Il-Kunsill jista’, ngħidu aħna, jieħu azzjoni konkreta billi jistabbilixxi prattiċi li jinkludu kumpens ġust lill-awturi għall-attivitajiet edukattivi u promozzjonali. F’pajjiżi bħall-Awstralja, il-Kanada u r-Renju Unit, issib entitajiet li jmexxu fond apposta li jipprovdi l-iskejjel b’finanzi biex ikunu jistgħu jħallsu għaż-żjarat tal-awturi. Inizjattivi bħal dawn, apparti li joffru qafas strutturat u professjonali għal dawn l-attivitajiet, jiżguraw li l-awturi jitħallsu ta’ ħinhom, waqt li fl-istess ħin ikun affordabbli għall-iskejjel biex jorganizzawhom. L-eżistenza ta’ skemi bħal dawn turi biċ-ċar li sistema ta’ kumpens għall-awturi hija tabilħaqq vijabbli u ta’ benefiċċju fl-istess ħin.

Inħeġġeġ lill-awturi sħabi biex jipparteċipaw fis-sondaġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb marbut mat-tfassil tal-istrateġija l-ġdida, bit-tama li l-awturi jingħataw aktar sostenn u rikonoxximent fl-isfond ta’ kultura li tirrispetta u tivvalorizza x-xogħol letterarju Malti.