Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz tiegħu Frammenti, Tyrone Grima beda jikteb sensiela ta’ bloggati dwar dan il-vjaġġ li wassal għal Frammenti. Il-vjaġġ jibda hawn:
Fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz tiegħu Frammenti, Tyrone Grima beda jikteb sensiela ta’ bloggati dwar dan il-vjaġġ li wassal għal Frammenti. Il-vjaġġ jibda hawn:
Lanqas naf meta bdew dawn il-frammenti … żgur li billejl … imma meta ma nafx. Waħda mill-bosta stramberiji li għandi hija li meta ma nkunx nista’ norqod, nibda nhewden fuq xi problema jew inkella fuq il-loġistika tal-attivitajiet li qiegħed involut fihom. Lanqas jilħqu jgħaddu ħames minuti, li nkun qiegħed f’dinjet tal-ħolm … bir-raġel tiegħi maġenbi b’għira bażwija fuqu għax hu jagħmel lejl sħiħ jitqalleb mentri l-fabbrika tiegħi tal-inħir tibqa’ għaddejja għal sigħat twal għalenija bla heda u bla waqfien.
Insomma, kien waqt xi lejl minn dawn li twieled il-ktieb. U mhux biss twieldet l-idea, imma mal-ewwel kelli f’rasi l-ewwel sentenza! (Ta’ min jgħid li fil-verżjoni finali li issa qiegħed f’idejkom … hux tassew, diġà qiegħed f’idejkom?! … din l-ewwel sentenza saret il-bidu tal-kapitlu ta’ wara l-prologu … imma dik storja għal darb’ oħra).
Lejl wara lejl (orrajt, mhux kull lejl, biex ma nagħtux l-impressjoni li qisni xi wieħed li jkolli problemi regolament biex norqod) bdiet tinħema n-narrativa tal-ktieb. U darba minnhom twieldet Sophie. U darb’oħra l-istorja tal-vapur. U lejl’oħra tal-ajruplani. Sakemm qisu l-istruttura bażika kienet imfassla … anki jekk kienu biss ħsibijiet imfassla fuq il-lożor u l-imħadda, għax lanqas kelma li hi kelma ma kienet għadha miktuba.
Kien fl-2017 li poġġejt bilqiegħda u bdejt ingerfex xi ħaġa. Imma l-akbar spinta tajtha żgur fl-2018. U x’aktarx li fis-sajf. L-2018 kienet sena importanti ħafna f’ħajti, mhux biss għax iżżewwiġt imma wkoll għax ħadt il-pass wisq għaqli li nitlaq mix-xogħol amministrattiv li bħal bosta xogħlijiet amministrattivi fi ħdan il-gvern ma jwasslu mkien ħlief għall-frustrazzjoni jew inkella korruzzjoni. (Fil-każ tiegħi l-ewwel waħda, għax minkejja l-bosta difetti li għandi li nkun korrott mhix waħda minnhom.) X’aktarx kien f’dan iż-żmien ta’ bidla f’ħajti li nkitbu l-maġġor parti tal-kapitli ta’ Frammenti. Ġimgħa wara ġimgħa, xahar wara xahar, żdiedu dawn il-kapitli, sakemm daqs sena wara kelli f’idi l-ewwel mauskritt tax-xogħol.
Imma jekk kien mingħalija li l-vjaġġ kien intemm hemm, kont sejjer ħafna ħafna mqarraq …
Tyrone Grima huwa l-awtur ta’ Frammenti, l-ewwel rumanz tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.
Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Gatis Marcinkevics fuq Unsplash