L-editur li nħatar biex jaħdem fuq il-manuskritt tiegħi kien Noel Tanti. Noel kont ilni nafu ’l fuq minn għoxrin sena għax għamilna ħabta naħdmu flimkien fi skola. Però ma kellix l-iċken idea li Noel kien jidħol daqshekk fir-reqqa fix-xogħol. Passati, sejħilhom! U vera passata kienu għax ma kienx hemm dettall li kien jaħrablu. Nazzarda ngħid li l-ktieb sar jafu fuq ponot subgħajh ħafna iktar minni. Minn dawn il-passati – kif sejħilhom hu – kien hemm tlieta. Kull darba jibgħatli n-noti bis-suġġerimenti tiegħu ta’ kif nistgħu ntejbu x-xogħol. Xi wħud minnhom kienu żbajli ċkejkna li malajr jitranġaw, bħal riferenza għax-xitwa meta fil-paragrafu ta’ qabel inkun għadni kif għidt li qegħdin f’Lulju. (Lanqas irrid nemmen ġieli kemm jien sturdut!) Imma xi wħud minnhom kienu ferm ikbar. Ġieli Noel talabni neliminaw sezzjoni sħiħa mill-ktieb jew indawwar parti ma’ oħra. (Kontu tafu, pereżempju, li l-prologu fil-verżjoni li tafu kien oriġinalment epilogu? Kien bis-saħħa ta’ Noel li seħħet din il-bidla kruċjali).
Sa qabel il-Milied tas-sena l-oħra x-xogħol tal-editajr kien lest. Chris issa ried jara kif żviluppat din il-verżjoni editjata. U reġgħu bdew l-emails fitti tiegħi kull ħmistax bl-arloġġ biex nara jekk kienx qrah. Fl-aħħar ir-risposta waslet. Kien qrah u kien ferm kuntent bil-verżjoni aħħarija. L-aħħar pass kien għad fadal, wara l-qari tal-provi, fejn xorta waħda nstabu xi żbalji ċkejkna x’wieħed jirranġa (mhux biex nidlek, imma vera professjonali t-tim tal-Merlin!). Imbagħad daħal l-aħħar persona fl-istorja: id-disinjatur tal-qoxra. Minkejja li sakemm naf jien Pierre Portelli jieħu ħsieb id-disinn tal-kotba kollha tal-Merlin, dejjem jirnexxilu joħroġ b’kunċett uniku u qawwi għal dak il-ktieb partikolari. Meta rajt il-prodott finali, lanqas stajt nemmen b’għajnejja li wara dan il-vjaġġ tant twil it-tarbija kienet lesta biex titwieled.
U hekk hu: fit-30 ta’ Settembru ħareġ il-ktieb Frammenti.
Hawnhekk jagħlaq il-blogg tiegħi. M’għandix iktar xi ngħid. (U naħseb tgħidu fil-fond ta’ qalbkom diġà għedt biżżejjed u forsi ż-żejjed!)
Imma l-vjaġġ ma jiqafx hawn. Għax issa intom sirtu parti kemm mill-vjaġġ tiegħi, kif ukoll mill-vjaġġ tal-protagonist … dejjem jekk għażiltu li taqraw il-ktieb, li naħseb li hu l-każ, għax kieku, ngħid jien, għaliex qed taqraw il-blogg? Għalhekk issa f’idejkom biex tkompluh dan il-blogg. Bħal kull awtur ieħor nieħu gost li nisma’ mill-qarrejja. Dak li għoġobkom. Dak li ma laqatkomx. Dak li ma fehmtux. Insomma, dak kollu li jqanqal fikom dan il-ktieb.
Bon voyage lilkom ilkoll!
Tyrone Grima huwa l-awtur ta’ Frammenti, l-ewwel rumanz tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.
Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Daniel Kuruvilla fuq Unsplash