Frammenti ta’ vjaġġ: it-tielet framment

Tkompli s-sensiela ta’ bloggati ta’ Tyrone Grima dwar il-vjaġġ li wassal għall-pubblikazzjoni tar-rumanz tiegħu Frammenti. Hawn it-tielet framment:

Skużawni li ma smajtu xejn mingħandi għal dawn l-aħħar ħmistax. Kif avżajtkom fl-aħħar blogg, kont imsiefer, u minkejja l-fatt li nħobb naħdem ħafna, forsi anki wisq, meta tkun imsiefer ma tantx ikollok moħħ il-bloggati!

Mela fejn ħallejna? Il-manuskritt wasal f’idejn is-sur Gruppetta, u d-destin tiegħi kien kollu kemm hu f’idejh.

Issa għandkom tkun tafu ħaġa, u dan jixhdu għalih kemm Chris tal-Merlin, kif ukoll Chris ir-raġel tiegħi. Jien bniedem fitt. U meta ngħidlek fitt, vera fitt. U iva, forsi minflok fitt, forsi nistgħu ngħidu perseveranti. Imma meta tirċievi email kull ħmistax bl-istess messaġġ isaqsik kif bqajna fuq il-ktieb, naħseb li l-ammirazzjoni inizjali għall-perseveranza, malajr tinbidel għal tnehida kull darba li jfiġġ l-isem tal-persuna fl-inbox. Vera ħa paċenzja bija, Chris Gruppetta! Għax aħna l-awturi naħsbu xi ftit jew wisq li l-ktieb tagħna huwa ż-żokra tal-univers u li m’hawn ebda ktieb ieħor bħalissa, ħlief tagħna, fl-eżistenza kollha! Jaħasra kemm aħna boloh!

Fl-aħħar ir-risposta waslet. Inqum darba filgħodu. Niftaħ l-emails, u nara isem Chris Gruppetta fuq quddiem nett. Naħseb dak il-ħin farli ftit kafè mill-magg bl-eċitament li qabadni! Imma temmnuni jekk ngħidilkom li kont bejn ħaltejn jekk kellix naqraha? Għax jekk wara dawn ix-xhur kollha, ir-risposta tkun negattiva? Tipo, iva ħadt gost naqrah, imma jiddispjaċini ma nistgħux nippubblikawh. Mhux aħjar nibqa’ mdendel milli nieħu daqqa ta’ ħarta? Imma, insomma għalxejn noqgħod intawwal fil-vojt. It-tweġiba tafuha. Chris Gruppetta għoġbu x-xogħol u l-Merlin aċċetta li jippubblikah.

Imma …

Chris ħareġ bl-idea li napplikaw għall-fondi mill-Kunsill tal-Ktieb biex nirfinaw ix-xogħol permezz ta’ process ta’ editjar. Minn banda ħadt gost li b’hekk il-livell seta’ jogħla. Mill-banda l-oħra, il-ħolma tiegħi li l-ktieb joħroġ fl-2020 sfaxxat! Għall-inqas kien il-Merlin li ħa ħsieb l-iktar parti kkumplikata tal-applikazzjoni. Imdorri nimla proposals imma ngħiduha kif inhi, huma xi ftit ksur id-dahar dawn l-applikazzjonijiet. Tal-inqas ir-riżultat ma damx ma ħareġ, u malli l-fondi ntrebħu stajna ngħaddu għall-kapitlu li kien imiss ta’ dan il-vjaġġ, fejn jidħol karattru ieħor importanti: l-editur.

Tyrone Grima huwa l-awtur ta’ Frammenti, l-ewwel rumanz tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.

Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Solen Feyissa fuq Unsplash