Il-ġimgħa li għaddiet, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rumanz tiegħu Frammenti, Tyrone Grima beda jikteb sensiela ta’ bloggati dwar dan il-vjaġġ li wassal għal Frammenti. Ir-reazzjoni tidher li kienet pożittiva immens, u ħafna minna kurjużi nkomplu nsegwu l-frammenti ta’ dan il-vjaġġ. Hawn it-tieni framment:
Mela, fejn konna wasalna l-ġimgħa l-oħra? Eh, iva, meta spiċċajt nikteb il-ktieb. Jew proprjament, meta kien mingħalija li spiċcajt nikteb il-ktieb.
L-ewwel verżjoni kienet id-doppju ta’ dik li għandkom f’idejkom. Illum inħares lura, u bilkemm niftakar kif u għaliex kien daqshekk twil. Issaqsunix kif kien differenti. L-unika ħaġa li niftakar li kien hemm kapitlu, pjuttost lejn l-aħħar, fejn il-protagonist isib kostum ta’ buffu u jdur ftit irħula jippurċinella. U l-parti tal-qomos bojod. Dik ma kinitx hemm. X’qomos bojod huma? La qed isaqsi din id-domanda sinjal li ma qrajtx il-ktieb għadek. Mela mur issa u ara minn fejn ħa tiddobba (anzi aħjar tixtri kopja) u malajr tkun taf … imma trid tasal sal-aħħar biex tifhem x’inhuma dawn il-qomos bojod!
Insomma, malli lestejt l-ewwel abbozz għaddejtu lil ħabib tiegħi kittieb biex jagħtini ftit feedback. Wara xahar qalli li qrah … imma li kien twil wisq!
Hemmhekk bdiet il-proċedura li nqaċċat … inneħħi … indawwar … bi ftit dmugħ nieżel ’l hemm u ’l hawn. U iva, forsi mhux dmugħ, imma kull min qatt kiteb xi ħaġa, u kellu jneħħu xi parti minn dak li kiteb, jaf kemm hi proċedura kattiva, neċessarja kemm hi neċessarja.
U issa l-iktar ħaġa importanti. Dik li tħoll jew torbot jekk il-ktieb jibqax fil-kexxun u jindifen darba u għal dejjem hemmhekk, jew inkella jitwieled u jieħu l-ħajja.
Li ssib pubblikatur.
Kien Jannar tal-2020. Il-papà kien għadu kemm ħalliena u kont ħadt jumejn off mix-xogħol. Il-ħolma li nippubblika mal-Merlin kienet ilha tberren f’rasi, imma qisni dejjem kont qalbi maqtugħa. Fl-istess ħin għedt, imbilli nilgħab pedina, ma nkun tlift xejn. Lil Chris Gruppetta kont nafu mid-Drama School. Kien sentejn qabli fil-kors. (Nispera li b’daqshekk m’iniex qed nikxef l-età tiegħek, Chris.) B’qalbi mterqta bgħattlu email insaqsih jekk kien interessat li jippubblika l-aħħar kitba tiegħi.
Mingħalikom li tafu eżattament x’ġara wara? Ma naħsibx … biex tkunu tafu, segwu r-rakkont li jmiss fit-tielet bloggata, imma kemm navżakom li għandu mnejn li naqbeż ġimgħa peress li ħa nkun msiefer fuq xogħol l-Irlanda! Xejn xejn inħallikom xi ftit fuq ix-xwiek!
Tyrone Grima huwa l-awtur ta’ Frammenti, l-ewwel rumanz tiegħu mal-Merlin. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra silta mir-rumanz, taħt it-tab “Excerpt”.
Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Ryoji Hayasaka fuq Unsplash