❤️Qalb il-kotba❤️

Għeżież maħbubin tal-kotba,

Jum San Valentinu fuq l-għatba u kull fejn tħares bdejt tara l-qlub ħomor jegħmżuk biex tiftakar fl-għażiż jew għażiża ta’ qalbek.

Ħeqq, jekk tistaqsi lilna, ngħidulek li m’hemmx mod isbaħ biex tesprimi mħabbtek milli permezz tal-kelma miktuba! U allura din is-sena nixtiequ nħajruk tiskarta r-rigali tas-soltu u li jaħseb fihom kulħadd – ward aħmar u ċikkulajjet – u minflok tagħti r-rigal tal-immaġinazzjoni u l-emozzjoni bejn il-paġni ta’ ktieb. Nassigurawk li l-oriġinalità takkwista ħafna punti fid-dipartiment tal-imħabba!

Jekk trid tmur pass oltre, apparti l-ktieb ħu ħsieb lesti xemgħa, tazza inbid, daqsxejn mużika romantika, kutra (u iva, ok, warda u ċikkulatina) u għandek l-ingredjenti ideali għal serata romantika mal-persuna li għaliha qalbek tħaffef ħarira l-pass. Isma’ minna, u kif jgħid il-Malti, ġewwa x-xilep!

Fl-istess ħin, fl-ispirtu ta’ San Valentinu niftakru li l-imħabba li jixirqilha tiġi ċċelebrata tiġi f’ħafna forom u tmur lil hinn minn dik romantika biss. L-imħabba hija wkoll ir-rabta bla kundizzjonijiet bejn il-ġenituri u wliedhom, il-ħbiberiji twal għomor li jbaħħru f’kull temp, u anke l-imħabba lejk innifsek li tixprunak biex tikber u tisseddaq. U għal dawn l-imħabbiet ukoll, il-ktieb huwa stedina għal esperjenza ta’ dinjiet ġodda, emozzjonijiet differenti, u memorji li jibqgħu miegħek (ferm wara li jkun dbiel il-ward!)

Għal min jixtieq xi ideat, hawn taħt armajna vetrina ċkejkna b’għażla ta’ kotba li jmissu mat-tema tal-imħabba:

Minn qalbna nawguraw Jum San Valentinu mill-isbaħ, lilek u ’l-maħbubin tiegħek.

Għandna offerta FLASH SALE fuq il-kotba kollha msemmija f’din il-bloggata. L-offerta tapplika għal 24 siegħa biss (tagħlaq għada 8/2/24 fl-10.00 a.m.).

Ritratt tal-paġna ta’ Jamie Street fuq Unsplash