Dawk il-ħsejjes li ġejjin minn isfel
On November 21, 2020

Kitba ta’ Noel Tanti
Ritratt tal-paġna ta’ Matt Stroud

It-tokki tal-arloġġ idoqqu l-ħdax ta’ billejl stħajjilhom xi ħadd qed iħabbatlu mal-bieb tal-kamra tas-sodda biex ma jħallihx jorqod. BUMM! BUMM! BUMM! Imma ma kinux it-tokki li ma ħallewhx jagħlaq għajn m’għajn. Stiefnu kien inkwetat. Ħafna. Moħħu kien għaddej iberren qisu rota bla brejkijiet għan-niżla. Xi dwejjaq. Apparti minn hekk ried iqum fit-tlieta ta’ filgħodu biex jaħmi l-ħobż.

M’hemmx x’tagħmel. Wara kollox kien tort tiegħu.

Iddeċieda li joħroġ mis-sodda. Aħjar iqum u jara jagħmilx xi ħaġa biex jgħaddi l-ħin milli joqgħod jaħseb dwar din il-biċċa għawġ li daħal għaliha.

Hu u jitmattar u jittewweb u jitmattar, ħaseb dwar x’seta’ jagħmel. Ma riedx jinżel isfel u jibda jaħmi minn issa għax l-aħħar darba li għamilha kien spiċċa b’muntanja panini, bziezen u ottijiet. It-tfal tgħidx kemm ħadu gost meta żaruh għax kielu daqslikieku kienet ġejja gwerra. Imma meta waslu biex imorru lura d-dar, sabuha bi tqila jiċċaqalqu b’żaqqhom daqs tank.

Mela, le, ma kienx se jaħmi. Allura xiex? Jaqra ktieb? Joħroġ jimxi? Jgħaddi l-ħwejjeġ? Minkejja li kien jieħu gost jagħmel dawn l-affarijiet kollha, ma tantx kellu aptit. Għalhekk iddeċieda biex ma jiddeċidix. Issa jneħħi l-piġama, ibiddel, u jara dak li l-lejl se jħallih jagħmel. Jimprovizza.

Ħarstu waqgħet fuq il-mera li kellu ħdejn il-gwardarobba. U f’daqqa waħda reġa’ ħakmu l-inkwiet ta’ qabel. Resaq qrib il-mera u beda jifli wiċċu bir-reqqa. Tgħid imnieħru kbir wisq? Widnejja sporġuti ’l barra? Id-daqna qed naraha mberflaU dik iż-żaqq? X’se nagħmel biha?

Stiefnu dar laġenba u ħa nifs ’il ġewwa. Żaqqu daħlet. Imbagħad ipprova jirranġa ftit xagħru imma iktar ħabblu.

“Uff. Dan x’fettlilhom? Ara jiena fejn qatt bsart li se nispiċċa fi …”

Sema’ ħoss ġej minn isfel, qisu xi ħadd waqgħatlu xkora dqiq. Daħallu xi ħadd. Stiefnu tbissem. Kien jaf min huma. Kien jaf x’inhuma jagħmlu. U f’daqqa waħda l-inkwiet kollu tiegħu sparixxa, qisu qatt ma kien.

Ħares lejn il-mera, ħalla żaqqu tintelaq u xagħru … xagħru kien tajjeb kif inhu. Ħadd ma kien se jgħidlu xejn. Speċjalment Matt. Matt ried jarah kif ikun is-soltu.

Dan Matt hu artist kapaċissimu. Darba kienet ġietu idea li joħroġ ktieb dwar furnar. Kellem lil kittieb ħabib tiegħu jismu Noel u flimkien ħadmu fuq dan l-imbierek ktieb. Stiefnu kien qatta’ ħafna ħin jitkellem ma’ Noel u dan kiteb kulma qallu. Imma issa kien imiss li jiġi Matt biex ipinġih. Lilu! Lil Stiefnu! Dak li anki r-ritratti kienu jdejquh!

Imma Stiefnu ftakar f’kemm kien jieħu gost jaħmi u jirrakkonta l-istejjer tal-furnara tal-passat lit-tfal li jiġu jżuruh …

Hekk sew, ħaseb Stiefnu. L-istejjer hemm bżonn li naqsamhom ma’ ħafna u ħafna tfal. Qed nagħmel xi ħaġa tajba. U serraħ rasu.

U bilħaqq – dawk il-ħsejjes li ġejjin minn isfel … Dawk mhumiex Matt u Noel qed iġorru d-dqiq u l-ħmira …

 

— Noel Tanti

Tal-Forn, ktieb bl-istampi għat-tfal (inklużi t-tfal kbar sa 99 sena) ta’ Noel Tanti u Matt Stroud