Daqs tazz’ilma

tikteb Leanne Ellul

Għadni niftakar ċar dawk jiem tfuliti meta l-qassis ta’ xagħru griża kien jiġi jżur darna xi żmien wara l-Għid biex jixħet fuqna l-barka ta’ Alla. Iktar iva milli le, konna noffrulu grokk (jew tnejn) wiski. Jekk il-qassis ma jkunx it-tip li jlegleg, jew jekk kien ikun kawt li ma jibdiex jixxengel f’nofs il-qadi qaddis ta’ dmiru, kien jirrifjuta. Imbagħad, konna noffru ’l qalb tajba tiegħu u lill-abbatini ta’ miegħu tazza umli imma bżonjuża ta’ ilma. Kien hemm żmien meta li toffri tazza ilma kienet in-norma, mhux l-eċċezzjoni.

Għadni niftakar lill-ma tħejji fliexken kbar ta’ ruġġjata ingazzata għall-bejjiegħa armati quddiema fi żmien il-festa tar-raħal. Ma kinitx l-iktar ħaġa rari lanqas li tagħti tazza ilma lil xi ħadd li jiġi d-dar jirranġa ċ-ċappetti jew jagħti lagħqa żebgħa. Dan fhimtu minn kmieni permezz ta’ dan l-att ċkejken: li toffri tazza kiesħa ġġiegħel in-nies iħossuhom milqugħa, speċjalment f’sitwazzjoni fejn il-persuna hija dik li stiednet lil xi ħaddieħor.

Għaddew tletin sena minn dakinhar. Minn dak iż-żmien ’l hawn, tlaqt mid-dar tal-ġenituri, imma nittama li bqajt inġorr miegħi s-sens ta’ altruwiżmu li nibbtu ġewwa fija. Li ġarrejt miegħi wkoll kienu l-istejjer li maż-żmien bdejt nagħġinhom f’kotba u kont ixxurtjata biżżejjed li bdew jiġu ppubblikati. Issa, li jkollok il-kotba ppubblikati jfisser li inti kittieba ppubblikata, u ma’ dak l-irwol jintrabtu responsabbiltajiet kbar.

Mhix ħaġa faċli li bħala awtriċi tattendi tant ċerimonji u attivitajiet. Ħafna drabi awtriċi jeħtiġilha tkampa ma’ numru ta’ attivitajet, intervisti bla għadd, u inkontri numerużi li jmorru lil hinn mill-kapaċità ta’ persuna waħda. Biex inkun qed ngħid kollox, jiena nħobb dak kollu li ġġib magħha l-pubblikazzjoni. Ngħożż il-parti romantika li toħlom b’disinn u tarah jieħu l-ħajja flimkien mar-riħa ta’ kotba friski friski fi tmiem proċess twil li jkun leħaq il-qofol tiegħu. Inħobb ukoll nilbes kpiepel iżjed impenjattivi, bħal dak ta’ editriċi. U fuq kollox, inħobb nitkellem mal-qarrejja, nippromwovi x-xogħol fuq it-televiżjoni u r-radju, u aqwa minn kull ħaġa oħra, inżur l-iskejjel biex niltaqa’ mal-qarrejja ċkejknin li xi drabi jkunu saħansitra qed jistudjaw kitbietu. Ma nistax ma ninnutax għajnejhom ileqqu meta jkunu qed jiltaqgħu għall-ewwel darba ma’ awtriċi li jkunu qraw. Ikolli ngħid li nħossni midjuna lejn dawn it-tfal li ddedikaw ħinhom jaqrawni.

Infakkar fuq li nfakkar lili nnifsi kemm jiena privileġġjata. Mhux kulħadd għandu l-opportunità u l-lussu li jikteb u jippubblika. Mhux kulħadd jista’ jżur l-iskejjel bit-tama li jaqsam l-istejjer tiegħu u jħalli impatt fuq it-tfal. Madankollu, iż-żjarat fl-iskejjel mhux dejjem ward u żahar. Kollox jieħu ż-żmien: biex issib data, biex tipprepara għall-qari, biex tħejji PowerPoint addattata għall-etajiet tal-istudenti konċernati u l-bżonnjiet tagħhom, biex tagħżel x’taqra, biex issuq s’hemmhekk. Imbagħad iż-żjara nfisha tieħu siegħa jew iżjed. Wara, tkun trid issuq lura d-dar (jew lejn skola oħra) u xi drabi ssegwi l-qari bir-rispons tiegħek. Barra minn hekk, ċerti skejjel jitolbu wkoll għal laboratorji ta’ kitba partikolari.

Huwa fatt magħruf li f’Malta m’għandniex awturi full-time. Fil-biċċa l-kbira tad-drabi, l-awturi huma wkoll għalliema jew letturi, jew għandhom xogħlijiet oħra full-time. Biex dak li jkun isib iż-żmien imur jaqra fi skola, irid jinnegozja ħinu b’mod delikat. Immaġina tabib jew avukat jiekol mill-ħin ta’ xogħlu matul il-jum u ma jitħallasx. Immaġina ħaddiem tal-id jagħti servizz u ma jitħallasx. Ħadd ma jaċċetta sitwazzjoni bħal din, imma l-awturi (professjonisti fil-qasam tagħhom) iżuru l-iskejjel regolarment mingħajr ma jitħallsu, u milli jidher, m’għandna ebda problema b’dan.

Il-verità hi, li kollha kemm aħna nippruvaw inġebbdu u nieħdu gost b’xi tip ta’ apprezzament. Xi skejjel jagħtu voucher (jew ġieli xi flus), ktieb jew xi ħaġa bħala apprezzament. Il-pubblikatur tiegħi jagħti persentaġġ mill-kotba li jinbiegħu lill-awturi (minn jeddu) jew mill-kotba li jinbiegħu fl-iskejjel (anke jekk xi skejjel lanqas biss jimbuttaw il-bejgħ tal-kotba). L-hena tiegħi meta l-istudenti jtuni xi tpinġija jew xi tifkira tal-klassi. Hemm ukoll il-waqtiet li jnisslu tbissima u li nħobb niftakar fihom. Darba mort naqra Gramma, rumanz għaż-żgħażagħ li jdur mat-tema tal-anoressija fi skola tal-bniet. Fl-aħħar, l-assistent kap tatni kaxxa pasti. Jiena sempliċement tbissimt; dakinhar, l-ironija tkellmet waħedha.

Ritratt ta’ kyo azuma fuq Unsplash

B’xi mod, hemm min jiġġustifika l-fatt li l-awturi jaqraw l-kotba fl-iskejjel bla ħlas bil-fatt li qed jagħmlu promozzjoni ta’ xogħolhom. Il-pubblikatur tiegħi jagħmel l-isforz kollu biex ibigħ il-kotba tal-awturi tiegħu. Xi darbi, inkun anke akkumpanjata fl-iskejjel minn membru tat-tim tad-dar tal-pubblikazzjoni tiegħi. Parti mill-problema qiegħda fl-etikett tal-iskola: xi wħud iħallu l-awturi jistennew, iwaqqfu l-qari ħesrem ħabba xi attività oħra fl-iskola, ma jkollhomx is-sala għall-qari mħejjija minn qabel, ma jkunux ħejjew lill-istudenti għaż-żjara tal-awturi fl-iskola, ma jagħmlu ebda sforz biex ibigħu l-kotba, iħallu lit-tfal iqajmu pandemonju, u agħar minn hekk ma jagħtux imqar tazza ilma lill-awturi.

Sfortunatament, din mhux sempliċement l-esperjenza tiegħi. Tkellimt ma’ awturi sħabi,  u bħali, filwaqt li jesprimu gratitudni lejn l-iskejjel li jistednuhom, jixtiequ jkunu trattati aħjar. Għalliem taz-Zumba li naf baqa’ xxukkjat jisma’ li l-awturi li jżuru l-iskejjel ma jitħallsux. Hu, ġustament, jitħallas jekk iżur skola għal klassi Zumba. Għaliex l-awturi mistennija jaħdmu bla ħlas? Għaliex jeħduna forgranted? Għaliex l-iskejjel lesti li jħallsu għal affarijiet oħra, imma mhux għall-awturi li jżuru l-istudeni tagħhom?

B’diqa, parti kbira mit-tweġiba jeħtieġ li titpoġġa f’kuntest usa’: il-Maltin ma jagħtux importanza lill-awturi u l-kotba tagħhom. Hija wkoll realtà li l-għalliema (li ħafna drabi jkunu huma li jorganizzaw dawn l-attivitajiet) mimlijin bix-xogħol sa ruħ ommhom filwaqt li jridu jieħdu ħsieb l-awturi; imma, fejn hu post l-awtriċi? Fid-dawl taċ-ċirkostanzi li l-komunità tal-awturi qed taffaċċja dan l-aħħar fejn jidħlu awturi full-time, nuqqas ta’ ħwienet tal-kotba, premjijiet letterarji, fondi u l-bqija, wieħed irid jifhem li x-xenarju huwa wieħed kumplikat u problema taqbad ma’ oħra. Għalhekk, mhuwiex faċli tnaqqi sal-qalba tal-problema. Sadanittant, li l-awturi jaħdmu bla ħlas, jibqa’ diżappunt kbir. Insewwed qalbi li qed ikolli nikteb dan kollu.

Nappella lill-entitajiet nazzjonali biex jaħdmu għal linji gwida u politika ċari li jissalvagwardjaw lill-awturi u li jagħtu gwida lil min qed jistieden lill-awturi fi skejjel jew istituzzjonijiet oħrajn. Sar ħafna xogħol mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb fejn jidħlu l-Jeddijiet tas-Self Pubbliku, il-copyrights u l-liċenzjar. Imma għadna lura minn prattiki mħaddmin fl-Awstralja, l-Iżlanda u l-Ingilterra, biex inkun semmejt xi wħud. U filwaqt li tazza ilma tagħmel il-mirakli, il-bniedem mhux bl-ilma biss jgħix.

— Leanne Ellul
leanneellul.net

Il-verżjoni Ingliża ta’ dan l-artiklu dehret għall-ewwel darba fuq The Times of Malta nhar il-21 ta’ April 2024.

ritratt mill-programm Ilsienna