Il-kitba bħat-tqala … jew meta ħassejtni qisni Chlamydoselachus anguineus 😉
On November 21, 2021

Iżjed ma jmur, iżjed dan l-ispazju fis-sit tal-Merlin qed jilqa’ – bi pjaċir kbir – il-vuċijiet tal-awturi li qed joħolqu forma ta’ djalogu mal-qarrejja tagħhom. U hekk ukoll Nadia Mifsud, li mal-Merlin ġa kienet ippubblikat ir-rumanz Ir-rota daret dawra (kważi) sħiħa, qed tiftaħ konverżazzjoni mal-qarrejja fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tal-ġabra ġdida ta’ stejjer qosra, Żifna f’xifer irdum. F’idejk, Nadia …

M’iniex se noqgħod ninħeba wara subgħajja – meta Chris staqsieni nitħajjarx nikteb bloggata, parti minni ħadet gost u mill-ewwel wieġbet iva (anzi, qaltlu “iktar minn waħda”), parti oħra ħadet qatgħa. Inħobb kemm inħobb nikteb, ikolli nqerr magħkom li kultant il-kliem jirreżistini, u ġieli nsibha diffiċli immens nikteb imqar ftit paragrafi. Imma, għax sfida nikolha, u wkoll għax togħġobni l-idea li tista’ “titkellem” mal-qarrejja mod ieħor, i.e. tbexxqilhom ftit dak il-bieb ta’ x’jiġri “wara l-kwinti”, se nipprova …

Intom qatt smajtu b’dal-kelb il-baħar jismu Chlamydoselachus anguineus (bl-Ingliż, eel-like frilled shark)? Tgħiduli: B’hiex ġejja? X’għandhom x’jaqsmu l-klieb il-baħar ma’ din il-ġabra ta’ stejjer qosra (speċjalment jekk ġa qrajtu l-ktieb u tafu li mkien ma jidher l-ebda kelb il-baħar)?

OK, rewind mela.

Spiss, jiena u nikteb, inħoss li l-kitba hi bħat-tqala (għalkemm, ovvjament, m’hemmx bżonn li tkun esperjenzajt it-tqala biex tikteb 😉). Nibda ndur b’din ix-xi ħaġa tikber bil-mod il-mod fija. Kultant, billejl, meta suppost inkun rieqda, naqla’ xi daqqa ta’ minkeb (anzi mhux daqqa ta’ sieq 😉) mingħand xi karattru li jidhirlu/jidhrilha li dak ikun l-aħjar mument biex jgħidulek xi ħaġa.

Ġieli jispiċċaw iċanfruk:

“Isma’, ħi, tista’ ma tagħmilnix daqshekk antipatku/a, jj?”

Drabi oħra, ipespsulek xi dettall jew sigriet li ma tkunx tajt kasu qabel:

“Jien inħobb ħafna l-vjola, tafx?”

jew

“Naħseb li qed nieħu grazzja ma’ dik li toqgħod fuqi …”

jew

“Hemm wieħed l-uffiċċju għandu par dimples minn dawk li jġibuk ġuġù. Chris jismu …”

Naqbeż jien: “Chris? Bħal Chris tal-Merlin? Illajs, x’kumbinazzjoni!”

“Iva. Chris. Allura Chris tal-Merlin ukoll għandu d-dimples?”

Insomma, kultant ma jkollokx aptithom, speċjalment jekk l-għada filgħodu tkun trid tqum kmieni għax-xogħol. Kultant, imma, tispiċċa titħaddet magħhom daqslikieku kienu persuni tad-demm u l-laħam. Kważi tinsa li huma biss karattri fittizji, u ma tibqax taf jekk hux int li tkun ħloqthom jew jekk kinux huma li fettlilhom jiġu jħabbtu fuq biebek. Uħud ikollok l-impressjoni li sirt taf kollox jew kważi fuqhom f’qasir żmien, oħrajn trid tieħu ftit iktar paċenzja bihom, u huma bik. Li hu żgur, imma, hu li tħosshom qrib, sal-punt li spiss ikollok l-impressjoni li ma tista’ tmur imkien mingħajr ma jiġu huma miegħek, trid u ma tridx.

Dawk minnkom li ġa esperjenzaw iktar minn tqala waħda, probabbli taqblu miegħi li kull tqala hija differenti. (Ħeqq, dawk minnkom li m’għaddewx minn din l-esperjenza, se jkollkom tieħdu kliemi ben fatt, kif ngħidu.) L-istess għall-kitba. Mhux kull storja ħassejtha tikber fija bl-istess mod. Kien hemm stejjer li ktibthom f’nifs (OK, qed nesaġera – fi ftit jiem) u baqgħu sal-aħħar nett jirrikjedu ftit li xejn editjar. Oħrajn, imma, ħabbtuni bil-kbir, tant li damu snin biex sabu l-forma aħħarija tagħhom. U hemmhekk fejn kultant kont inħossni bħall-kelba l-baħar li semmejt fil-bidu ta’ din il-bloggata, li t-tqala tagħha taf tieħu bejn sentejn u 42 xahar! Issa, biex inkun qed ngħid kollox, il-kitba ta’ ċerti stejjer ħadet anki iktar minn hekk. Parentesi ċkejkna: uliedi probabbli jgħidulkom li meta xi drabi jitilgħuli, ukoll inkun qisni kelba l-baħar, imma dik storj’oħra 😉

Biex inkompli bil-metafora tat-tqala, jekk tippermettuli dejjem, nista’ ngħid li l-editjar + il-qari tal-provi għalija jinħassu bħall-aħħar ġimgħat ta’ qabel il-ħlas – kruċjali iżda kultant tedjanti – u l-pubblikazzjoni bħall-ħlas innifsu – taħlita stramba ta’ ferħ, ħerqa, eċitament u biża’. Xi mkien bejn għall-erwieħ u sens qawwi ta’ responsabbiltà. Għall-erwieħ għax inkun nista’ mbagħad niffoka bis-serjetà fuq proġetti ġodda. Responsabbiltà għax lill-qarrejja mhux biss inkun nixtieq intihom xi ħaġa ta’ sugu, imma (u bla ebda preżunzjoni) inħossni fid-dmir li ntihom l-aħjar tiegħi nnifsi.

Fuq kollox, ladarba l-ktieb ikun sab ruħu fuq l-ixkafef tal-ħwienet tal-kotba, it-testi ta’ ġo fih ma jibqgħux tiegħi biss. Isiru tal-qarrejja wkoll, u r-relazzjoni bejn il-qarrejja u jien tieħu xejra ta’ żifna. Iżda fuq din l-idea ta’ żifna, inkellimkom fil-bloggata li jmiss … Intant, jekk intom għandkom xi mistoqsijiet li tixtiequ tistaqsuni, tiddejqux tibagħtuhomli … anzi, nieħu pjaċir inweġibhom 🙂

Nadia Mifsud hija l-awtriċi ta’ Żifna f’xifer irdum, il-ġabra ġdida tagħha ta’ stejjer qosra. Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet tal-kotba kollha jew anki online – b’pustaġġ lokali b’xejn – minn hawn. Fl-istess ħolqa tista’ wkoll taqra waħda mill-istejjer mill-ktieb, taħt it-tab “Excerpt”.

Ir-ritratt tal-paġna hu ta’ Clayton Robbins fuq Unsplash