Biex il-qari jkun aċċessibbli għal kulħadd

It-tfal kollha għandhom id-dritt li jgawdu l-gost tal-qari – u sfortunatament hemm ħafna tfal li għal xi raġuni jbatu jew isibu diffikultà biex jaqraw, b’mod partikolari dawk li għandhom id-dislessija. Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tad-Dislessija, il-forom differenti ta’ din id-diffikultà fit-tagħlim jaffettwaw bejn 9% u 12% tal-popolazzjoni. Mhux persentaġġ żgħir.

Nistgħu nħarsu lejn l-ittri u l-kliem miktubin jew stampati bħala speċi ta’ kodiċi li l-qarrej jeħtieġ jiddeċifrah, isarrfu f’ħoss, u mbagħad f’tifsira. Din hija ħila li nitgħallmuha bil-mod il-mod fl-ewwel snin tal-primarja, sakemm tant issir azzjoni awtomatika li ħafna minna lanqas biss inkunu konxji li nkunu qed naqraw. Mill-banda l-oħra, persuni bid-dislessija jipproċessaw l-informazzjoni b’mod newroloġikament differenti, u għaldaqstant meta jħarsu lejn l-ittri u l-kliem isibuha ferm aktar diffiċli biex jagħrfuhom, jiddeċifrawhom, jispellu u jaqraw b’mod preċiż u mexxej.

Fortunatament, illum bosta pubblikaturi madwar id-dinja qed jagħmlu ħilithom biex jagħmlu l-qari aktar aċċessibbli billi jippubblikaw kotba maħsubin apposta biex jagħtu palata lil dawk li jaffaċċjaw diffikultajiet ta’ litteriżmu. Tul l-aħħar snin, diversi studji wrew li ċerti karatteristiċi tal-karta, tat-tipa u tal-ifformattjar tat-test jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-qarrejja bid-dislessija b’mod partikolari. Fost il-karatteristiċi ewlenin li jafu jiffaċilitaw il-qari hemm:

  • L-użu ta’ karta matta għax il-karta gloss ikollha ċertu leqqizza li taf iddejjaq l-għajnejn;
  • Il-lewn tal-karta li ma jkunx abjad imma safrani, għax iktar ma jkun hemm kuntrast bejn il-kulur tal-ittri u dak tal-isfond iktar ikun diffiċli biex taqra;
  • Aktar spazju bejn l-ittri u l-kliem, biex jitnaqqas l-effett tal-“iffullar viżiv”;
  • It-test ikun left-aligned (u mhux justified) għar-raġuni li meta l-linji jkunu kollha tal-istess tul, ikun iżjed faċli biex il-qarrej jaqbeż linja bi żball; mentri meta t-test ma jkunx justified ikun eħfef biex issir distinzjoni bejn linja u oħra; u
  • Forom ta’ ittri li huma uniċi u differenti kemm jista’ jkun minn ittri oħrajn.

Abbażi ta’ wħud minn dawn il-karatteristiċi bdew jiġu żviluppati diversi fonts ġodda mlaqqma dyslexia-friendly, fosthom Dyslexie, OpenDyslexic, Andika, Read RegularTM u EasyReading®.

Minn żmien għal żmien isiru studji biex jevalwaw kemm fil-fatt dawn il-fonts huma effettivi – u kif wieħed jista’ jobsor, fil-verità mhux il-fonts kollha dyslexia-friendly ndaqs. Ngħidu aħna, studji fi Spanja u fl-Amerika ta’ Fuq indikaw li l-font OpenDyslexic ma jtejjibx il-ħeffa jew il-preċiżjoni fil-qari. Diversi studji dwar il-font Dyslexie kellhom riżultati mħallta meta tqabbel ma’ fonts “normali” bħall-Arial u t-Times New Roman. Ċerti fonts oħra bħal Read RegularTM u Andika ma jidhirx li għad hemm studji dwar ir-riżultati tagħhom, u għaldaqstant il-vantaġġi tagħhom għadhom ta’ natura aneddotali.

Almenu s’issa, wieħed mill-iktar font dyslexia-friendly li jgawdi l-appoġġ ta’ diversi studji xjentifiċi estensivi huwa l-font żviluppat l-Italja, EasyReading®.

Meta bħala Merlin Publishers iddeċidejna li nniedu s-sensiela ta’ kotba b’għajnuniet għall-qari msejħa Tarġa Tarġa, fittixna li nsibu l-aqwa għodda disponibbli fis-suq għal dan il-għan, u r-riċerka wasslitna biex identifikajna appuntu l-EasyReading® bħala l-iktar font mirfud b’riżultati xjentifiċi pożittivi.

EasyReading® huwa font ibridu, fis-sens li fih kemm ittri serif (dawk li jkollhom ċerti rfinaturi fit-truf bħal tat-Times New Roman) kif ukoll sans-serif (karattri sempliċi bla tberfil, bħal dawk tal-Arial). Fl-EasyReading®, ċerti ittri għandhom tip ta’ serif speċjali sabiex jiddistingwihom ċarament minn ittri li għandhom forma simili. Barra minn hekk, il-font għandu wkoll spazju usa’, ikkalibrat apposta, bejn l-ittri u l-kliem, li jindirizza l-effett tal-iffullar u b’hekk iħaffef il-qari.

Sal-lum il-font EasyReading® huwa l-uniku font għal qarrejja bid-dislessija li ġie evalwat pożittivament minn riċerka awtonoma u indipendenti.

  • Studju estensiv ippubblikat fl-2013 immexxi minn Christina Bachmann, psikologa klinika u psikoterapista, u li kien jinvolvi kampjun rappreżentattiv ta’ 533 tifel u tifla fir-raba’ sena tal-iskola primarja, fosthom qarrejja normotipiċi u dislessiċi, ikkonkluda li l-EasyReading® huwa għodda kompensatorja valida għal qarrejja bid-dislessija u jiffaċilita l-qari għall-kategoriji kollha ta’ qarrejja.
  • Analiżi ulterjuri tal-istess studju minn Christina Bachmann flimkien ma’ Lauro Mengheri, ippubblikata fl-2018, ikkonfermat ir-riżultati pożittivi li dan il-font għandu fuq il-qari tat-tfal, u żiedet tgħid li l-EasyReading®jikkontribwixxi għal titjib notevoli fil-ħeffa u l-preċiżjoni tal-qari fost il-gruppi kollha – qarrejja normali, b’diffikultajiet, dislessiċi u studenti b’diffikultajiet konjittivi – u li għaldaqstant għandu jitqies bħala għajnuna importanti għall-istudenti kollha.
  • L-aktar studju riċenti li sar fl-ewwel xhur tal-2023 jestendi l-istħarriġ fuq studenti tal-ewwel sena tas-sekondarja, u għal darb’oħra jimmarka titjib statistikament sinifikanti fil-veloċità u l-preċiżjoni tal-qari għal studenti bid-dislessija kif ukoll medja ta’ inqas żbalji minn qarrejja normali meta jintuża l-font EasyReading®.

Mhux ta’ b’xejn allura li fost il-lista twila ta’ entitajiet li jappoġġjaw dan il-font, hemm pubblikaturi internazzjonali kbar bħal HarperCollins, Pearson u Rizzoli.

Għalina wkoll ir-riżultati tal-istudji kkwotati huma inkoraġġanti u jimmotivawna biex nibqgħu nagħmlu l-almu tagħna ħalli l-qari jkun iktar aċċessibbli u pjaċevoli, bil-Malti wkoll, anke għal studenti bid-dislessija u diffikultajiet oħra fil-qari. Għaldaqstant nibqgħu impenjati li, għall-finijiet tal-pubblikazzjonijiet tagħna, insegwu r-riċerka professjonali u l-aħħar żviluppi fil-qasam tat-tipografija dyslexia-friendly. Għax nemmnu li l-qari għandu jgawdih kulħadd.

– Antoinette Borg

Referenzi:

Bachmann, Christina (2013) ‘Può un font essere uno strumento compensativo per i lettori con dislessia? Gradimento e prestazione nella lettura in Times New Roman e in EasyReading® di alunni dislessici e normolettori della classe quarta primaria’, Dislessia: Giornale italiano di ricerca clinica e applicativa, 10 (2): 99-118

Bachmann, C. and Mengheri, L (2018) ‘Dyslexia and fonts: Is a specific font useful?’, Brain Sciences, 8 (5): 89

Crudo, M. and Bachmann, C (2023) ‘EasyReading® migliora le prestazioni di lettura in soggetti che frequentano la scuola secondaria di primo grado?’ Aċċessibbli minn: https://www.easyreading.it/wp-content/uploads/2023/03/Risultati-ricerca-Crudo-e-Bachmann.pdf (aċċessat fil-15 ta’ Marzu 2024)

Holly, J. and Powell, D. (2022) ‘Does a specialist typeface affect how fluently children with and without dyslexia process letters, words, and passages?’, Dyslexia, 28(4): 448-470

Kuster, S. et. (2018) ‘Dyslexie font does not benefit reading in children with or without dyslexia’, Annals of Dyslexia, 68: 25-42

Marinus, E, et. (2016) ‘A Special Font for People with Dyslexia: Does it Work and, if so, Why?’, Dyslexia, 22(3): 233-244

Rello, L. and Baeza-Yates, R (2013) ‘ Good fonts for dyslexia’, Proceedings of the 15th International ACM SIGACCESS Conference on Computers and Accessibility, 14: 1-8

Wery, J and Diliberto, J (2017) ‘The effect of a specialized dyslexia font, OpenDyslexic, on reading rate and accuracy’, Annals of Dyslexia, 67: 114-127