Belt mimlija kontradizzjonijiet

kitba ta’ Ramona Depares

Li tkun Belti għandha tifsira partikolari. Ħa tgħiduli biex ġejja? Mhux anke tkun Ħamruniż, jew Karkariż jew Slimiż għandha tifsira partikolari?

Jista’ jkun, mela. Imma żgur li mhux bħall-Beltin, emmnuni.

Li tkun Beltija tfisser tkun qattajt tfulitek timraħ qalb l-istorja, qalb arkitettura li ġġib għira ’l-Ewropa u lil hinn. Li tilgħab noli qalb it-tifrik (issa rrestawrat) f’Sant’Iermu, fejn min jaf kemm-il kummiedja saret fl-istorja ta’ Malta; li nhar ta’ Sibt flgħaxija tmur għal tas-sitta ġewwa San Ġwann, imdawwar affreschi, oqbra u pitturi imprezzabbli; li rajt presidenti, prim ministri u isqfijiet għaddejjin x’aktarx minn ħdejn bieb darek.

Tfisser ukoll tfulija mfawra bl-ixxadinjar tal-festeġġjamenti, xi dagħwa żżarżar ’l hawn u ’l hinn. Bandli mkissrin ġewwa l-Mandraġġ, u klieb jiġġerrew għat-toroq bla sid, jagħtu l-qtajja’ lit-tfal. Dimostrazzjonijiet, protesti, għajjat u ksuħat. Mixjiet twal ta’ kuljum sabiex taqbad tal-linja, għax qatt ma fhimt l’għala minn ġol-Belt dawn ma jgħaddux. Teatru storiku li dawwarnieh car park, u djar żdingati ma jridhom ħadd. 

Imbagħad, in-naħa l-oħra tal-munita. Il-qlub tajba tal-ġirien, il-lealtà bejn il-Beltin. U kulħadd kburi b’beltna tant sabiħa, anke jekk mhux dejjem ittrattajna kif kien xieraq. 

illustrazzjonijiet ta’ Moira Scicluna Zahra

Kienet Belt mimlija kontradizzjonijiet, b’karattru kemxejn oskur ukoll. Belt li qed tintesa, għax minn dak kollu li semmejt tista’ tgħid ma baqa’ xejn, ħlief is-sens t’unur qalb il-Beltin u l-binjiet storiċi mimlija ġmiel.

Iżda addijo tfulija niġġerrew mat-toroq u addijo dik il-ħajja li konna nafu aħna l-Beltin. Anke għax ma tantx għad fadal minna joqogħdu hemmhekk. Meta tinduna li belt twelidek x’aktarx li spiċċat, u li flokha se jifdal biss fond turistiku jqalla’ l-flus, id-diqa li taqbdek ma titfihiex kif ġieb u laħaq. 

U dan ukoll li jgħaqqad lilna l-Beltin. Das-sens ta’ era li sabet it-tmiem tagħha. L-għarfien li, daqs għaxar snin oħra, dal-Beltin ftit li xejn ħa jkun baqa’ min jiftakar x’kienu jsarrfu. Aħseb u ara min jirrakkonta l-istejjer tagħhom.

It-tama tiegħi hi li dal-ktieb jirnexxilu forsi mqar iżomm il-memorji ħajjin. U li, bejn tbissima u oħra ta’ min ikun qed jaqrah, il-Beltin jibqgħu fostna. 

— Ramona Depares


Beltin: Stejjer minn nies minsija ssibuh fil-ħwienet tal-kotba kollha, u fil-Festival tal-Ktieb ġewwa l-MCC, il-Belt bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru. Tistgħu wkoll tixtruh online minn hawn.