Awguri, Trevor!

Il-leġġenda letterarja tagħna, Trevor Żahra, jagħlaq sninu dan il-weekend! F’din l-okkażjoni speċjali, ħsibna li nisirqu mument biex nawguraw l-isbaħ xewqat lil dan il-kittieb staordinarju u, flimkien miegħu, niċċelebraw il-kontribut enormi li ta, u għadu jagħti, lil-letteratura Maltija.

Skont il-bijografija tiegħu, dan l-awtur u illustratur maħbub appuntu fettillu jitwieled fis-16 ta’ Diċembru tal-1947, u ma nafux jekk hux veru, imma jgħidu li kiteb l-ewwel rumanz tiegħu meta kellu xahrejn! Biss, li hu veru żgur hu li Trevor iddedika ħajtu, it-talenti u l-passjoni tiegħu sabiex inissel fina lkoll l-imħabba għall-qari bil-Malti.

Kiteb u illustra minn kollox: stejjer għat-tfal, rumanzi, novelli, drammi, monologi, kotba mhux fittizji, workbooks, li trid … Insomma, il-kotba ta’ Trevor, mifruxin ma’ kull ġeneru u għal kull età ta’ qarrejja, ilhom mis-snin 70 isaħħru u jispiraw lil ġenerazzjonijiet sħaħ ta’ Maltin u Għawdxin.

Għal din l-okkażjoni tajna titwila lejn il-lista twila ta’ kotba li ħarġu mill-pinna ta’ Trevor, u għaqqadna vetrina tat-talent u l-versatilità tiegħu bi wħud mill-aqwa kotba li kiteb. Nistidnukom tingħaqdu magħna biex nawguraw lil Trevor, filwaqt li nħajrukom tiskopru mill-ġdid il-maġija li ħoloq matul is-snin billi (terġgħu) taqraw xi wħud minn dawn.

Għat-tfal bravi

nissuġġerixxu:

Żraben

Ir-ritorn riċenti ta’ Trevor Żahra għall-kitba tar-rumanzi għat-tfal wara waqfa ta’ 17-il sena (li waqtha kien iktar medhi jikteb għall-kbar).

Zraben new 3d copy

Għall-kbar imqarbin

nissuġġerixxu:

Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa

Bla dubju l-iktar ktieb ta’ Trevor li (ma nafux għal liema raġuni) qajjem furur u għamel suċċess.

X’aktarx l-ikbar kapolavur ta’ Trevor

Is-Seba’ Tronġiet Mewwija

Rakkont klassiku li ma jmut qatt, ħrafa epika fantastika li tterraq fid-dinja tal-ħrejjef, il-leġġendi, l-istorja u l-letteratura ta’ pajjiżna f’tiftixa epika għal dak li jsawwar l-identità nazzjonali.

seba trongiet copy

Il-favorit tan-nies (u throwback qawwi)

Meta Jaqa’ ċ-Ċpar

Meta fuq Facebook xi ħadd staqsa lin-nies liema hu l-ktieb favorit tagħhom mill-pinna ta’ Trevor, mid-dehra l-maġġoranza semmew din l-avventura li tinvolvi vjaġġ fiż-żmien u ħarira fantaxjenza.

cpar copy

Il-favorit ta’ Trevor stess

Sħab

Trevor Żahra jistqarr li dan hu l-ktieb favorit tiegħu fost il-kotba kollha li kiteb! Rumanz li jittratta l-imħabba fiż-żmien imqalleb tal-adolexxenza.

shab copy

Fost il-bosta ġabriet ta’ novelli għall-kbar

nissuġġerixxu:

Vespri

Mill-ġeneri kollha, x’aktarx li n-novelli huma l-forte ta’ Trevor. Hawn hi waħda mill-ġabriet favoriti tagħna. Tista’ taqraha wkoll bl-Ingliż, traduzzjoni ta’ Clare Vassallo.

vespri 1 copy

Fost l-ebooks ta’ Trevor

nissuġġerixxu:

365

Sena sħiħa ta’ kitba ta’ Trevor: ġabra ta’ rakkonti, novelli, aneddoti u riflessjonijiet għal kull jum tas-sena. Peress li l-ktieb fih 1,000 paġna, ħsibna li forsi hawn min jippreferi l-ebook.

365b copy

Trevor Żahra bħala artist

Tqasqis

Il-kreattività artistika ta’ Trevor m’għandhiex limiti. F’dan il-ktieb, il-kliem huwa “tqasqis” fis-sens metaforiku mentri l-istampi huma “tqasqis” litterali, ċjoè karti mqasqsin u mqattgħin f’logħba mad-dellijiet li joħolqu immaġnijiet effettivi immens.

tqasqis-flier copy

Trevor Żahra u t-teknoloġija

Il-Misteru tas-Sur Spir Spiteri

Dan il-ktieb juża t-teknoloġija tar-realtà miżjuda biex tkun tista’ tara l-paġni tal-ktieb jieħdu l-ħajja quddiemek!

sur spir copy

U fl-aħħar nett, dwar Trevor innifsu

nissuġġerixxu:

Il-Ġenn li Jżommni f’Sikkti

Il-ħajja ta’ Trevor kif irrakkuntata minnu, imma mhux biss – għax fiha jiddeffsu u jgħidu tagħhom ukoll diversi karattri mill-kotba tiegħu.

GENN copy

Għażiż Trevor, grazzi talli ħabbibtna mal-kotba u sebbaħtilna ħajjitna bl-istejjer u l-karattri tiegħek. Nawgurawlek bosta aktar snin ta’ saħħa, ferħ u kitba!

Awguri mingħandna lkoll, Trevor!

Trevor_Zahra-MALTA confetti cake