MISTOQSIJIET TA’ MALAJR
X’titlu jkollu ktieb li jirrakkonta l-istorja ta’ ħajtek
Iswed Ikanġi fil-Vjola
Iddiskrivi l-kitba tiegħek bħala frażi tar-rapport tat-temp
Xemxija, b’ħakka ragħad proprju meta l-anqas tkun qed tistenna
L-iktar tiftixa stramba fuq Google li qatt għamilt
how long does it take to suffocate in fresh water (jekk jogħġobkom iċċemplux lill-pulizija)
It-talent sigriet tiegħek li ħafna ma jafux bih
Insajjar platt risotto żul minn hemm.
Ipproponi soundtrack għall-kitba tiegħek
Rome, Danger Mouse u Daniele Luppi – mużika mimlija tlajja’ u nżul tal-emozzjonijiet
L-iktar ħaġa stramba li għandek bħalissa fuq l-iskrivanija
Notebook tal-karti. Daż-żmien sar jitqies stramberija.
Il-ktieb li xtaqt li ktibtu int
My Family and Other Animals, Gerald Durrell. Fih minn kollox – ferħ, niket, imħabba, annimali, ikel, avventuri, misteri, sess (PG-rated, m’għandniex xi ngħidu).
Xi jdejqek jew itellfek l-iktar int u tikteb
Bard jew skumdità fiżika
Kelma waħda li tiddiskrivi x-xogħol ta’ kitba li qed taħdem fuqu bħalissa
Esperimentali (għalija, aktar milli bħala l-ġeneru nnifsu)
Agħżel emoji wieħed li jirrappreżentak
The dancing girl
💃
MISTOQSIJIET FTIT ITWAL
Għaliex tikteb (u mhux tistad, jew taħdem il-ganutell, jew tagħmel xi ħaġa oħra)?
Għax l-unika ħaġa li naf nagħmel u hija parti naturali minn ħajti, daqskemm hu n-nifs. Għaliex nikteb hija mistoqsija li lanqas qatt ma tgħaddili minn moħħi nistaqsiha, għax sa minn ċkuniti l-kitba dejjem hemm kienet. Il-parti l-kbira tal-kitba li nagħmel inżommha għalija u ma naqsamha ma’ ħadd. Nikteb biex nistrieħ, nikteb biex nimla l-ħin jekk ma jkollix x’nagħmel, nikteb biex naħrab mix-xogħol jekk ikolli ħafna x’nagħmel, nikteb għax inkun kuntenta, nikteb għax inkun imnikkta. Nikteb għax jien.
Kieku kellek tiddiskrivi l-kitba tiegħek bħala tip ta’ ikel, xi tkun u għaliex?
Pancakes. Il-kitba tiegħi kultant ħelwa, bħal Beltin. Kultant daqsxejn aktar ikkumplikata, bħal Patient in Hospital Zero. Kultant tiswa ta’ snack żgħir, u kultant ikla li tifqgħek. Il-pancakes l-istess, jistgħu jkunu ħelwin jew le. Tista’ tagħmel fangatura tajba u taqta’ l-ġuħ ta’ ġurnata, jew tieħu pancake żgħir kemm tistejqer bejn ikla u oħra. Mhumiex bżonn, il-pancakes. Imma l-ħajja ferm isbaħ għax jeżistu.
Liema kien l-aktar mument stramb, ħelu jew tad-daħq fil-karriera tal-kitba tiegħek s’issa?
Naħseb l-aktar mument ħelu u li ngħożż kien meta l-Oodi, li hija l-librerija pubblika ta’ Helsinki, aċċettat li tinkludi The Patient in Hospital Zero fil-kollezzjoni. Għamilt sajf nistagħġeb bil-ġmiel ta’ librerija li toffri kull ma tista’ timmaġina, minn graphic novels sa kitbiet klassiċi, f’ambjent li verament jilqgħek. Għalkemm ma kinux qed jaċċettaw pubblikazzjonijiet ġodda minn awturi barranin, ħadt iċ-ċans u pproponejtilhom Patient. Wara xi ftit xhur sabiex jagħmlu riċensjoni min-naħa tagħhom, aċċettaw. Dejjem nitbissem meta niftakar li l-kitba tiegħi tinstab f’librerija tant prestiġjuża, u l-emozzjonijiet li jitqanqlu ngħożżhom ferm.
Tgħidilna xi ħaġa dwar il-gosti tiegħek fil-qari? Xi tħobb taqra? Liema kien l-aħħar ktieb li sammrek u ma stajtx titilqu minn idejk? U liema ktieb tistħi tgħid li ħadt gost taqrah?
Nibda bl-aktar mistoqsija faċli – l-aħħar ktieb li sammarni kien Yellowface ta’ R.F. Kuang. Spiċċajtu f’żewġ serati, li daż-żmien ma tiġrix spiss. Apparti li bħala kittieba dejjem intriganti taqra dwar awturi, dan il-ktieb kellu wkoll l-element ta’ misteru li tant jien miġbuda lejh fil-kotba. Jittratta karattru kumpless u pjuttost oskur, b’karatteristiċi li kultant fakkruni f’waħda mill-protagonisti minn The Patient in Hospital Zero (in-narratriċi minn “The Marauders”, jekk għandkom il-kurżità). U n-narrattiva oriġinali ferm.
Daż-żmien jien naqra biex nirrilassa. Addijo ż-żminijiet fejn kont nagħmel ġurnata midfuna f’xi Dostoevski. Inħobb it-thrillers psikoloġiċi, il-whodunnits minn awturi bħal Tana French, Anthony Horowitz, Robert Galbraith, Jane Harper …
Ma naħsibx li hemm l-ebda ktieb li nistħi ngħid li qrajtu. Hawn min joqgħod jiġi bil-meraq biex jgħid li jaqra ċerti kotba għax “tal-massa”. Il-psewdointelletwaliżmu qatt ma ġerragħtu u naqra dak kollu li jintrigani. U mbagħad jekk nara li l-ktieb ma jgħid xejn ma niddejjaqx nieqaf fin-nofs lanqas. Hawn min jistħi jgħid li qara, pereżempju, xi 50 Shades jew is-sensiela ta’ Twilight. Jien it-tnejn qrajthom meta ħarġu. Inkella kif ser inkun naf fuq xiex qed jgħidu n-nies, jekk hux qed jesaġeraw, jekk għandhomx raġun, eċċ eċċ.
Kieku kellek tkun karattru mill-kotba tiegħek għal ġurnata, min tkun u għaliex?
Carla minn “The Music In Her Head” f’The Patient in Hospital Zero. Imqar li nista’ nuża l-mużika bħalma tagħmel hi, x’poter tal-ġenn dak kieku. U jekk ma tafux eżattament x’poter hu, kull m’għandkom tagħmlu hu li tiftħu l-ktieb.
MISTOQSIJA BONUS
Tixtieq tiżvela xi Easter egg li hemm f’xi wieħed mill-kotba tiegħek, ċjoè xi referenza moħbija li l-biċċa l-kbira tal-qarrejja ma jindunawx biha?
Ma nafx jekk tistax issejħilha Easter egg proprjament, però fl-istess storja minn Patient – “The Music in Her Head” – hemm lyrics ta’ mużika ‘moħbija’ li tinduna bihom jekk tkun taf id-diska inkwistjoni.