Merlin Publishers

MISTOQSIJIET TA’ MALAJR

X’titlu jkollu ktieb li jirrakkonta l-istorja ta’ ħajtek

Traġedji u Melodrama: Ħarsa mill-Qrib Lejn Kif Tul Ħajtu Lon Dejjem Ħalla Lsienu Jiġri Bih u Jdaħħlu fil-Problemi

Iddiskrivi l-kitba tiegħek bħala frażi tar-rapport tat-temp
Pressjoni għolja li ġejja min-Nofsinhar qed tikkawża nirien u temperaturi estremi li qed jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima
L-iktar tiftixa stramba fuq Google li qatt għamilt

How to make money on OnlyFans (kienet riċerka għall-kitba)

It-talent sigriet tiegħek li ħafna ma jafux bih
Li nkanta
Ipproponi soundtrack għall-kitba tiegħek

Il-kanzunetti kollha ta’ Lana Del Rey

L-iktar ħaġa stramba li għandek bħalissa fuq l-iskrivanija

Harmonica

Il-ktieb li xtaqt li ktibtu int

A Little Life ta’ Hanya Yanagihara

Xi jdejqek jew itellfek l-iktar int u tikteb

Il-mobile

Kelma waħda li tiddiskrivi x-xogħol ta’ kitba li qed taħdem fuqu bħalissa

Agħżel emoji wieħed li jirrappreżentak

🗣

MISTOQSIJIET FTIT ITWAL

Għaliex tikteb (u mhux tistad, jew taħdem il-ganutell, jew tagħmel xi ħaġa oħra)?

Nikteb għax inħoss li hu l-mod l-iżjed naturali ta’ kif nista’ nesprimi dak li nħoss u nwassal li għandi xi ngħid. Għalkemm jien nuża mezzi artistiċi oħra biex nesprimi ruħi, bħall-arti viżiva u l-mużika, fl-opinjoni tiegħi, is-saħħa tal-kelma ma jerbħilha xejn.

Kieku kellek tiddiskrivi l-kitba tiegħek bħala tip ta’ ikel, xi tkun u għaliex?

Blueberry vegan cheesecake: għax kulurit, raw, addictive u diffiċli biex isir.

Liema kien l-aktar mument stramb, ħelu jew tad-daħq fil-karriera tal-kitba tiegħek s’issa?

Meta ħareġ l-ewwel ktieb tiegħi tant kont ferħan li, għalkemm kelli l-kopji tiegħi, ridt immur nixtri wieħed minn ħanut tal-kotba, għall-esperjenza. Fittixt fuq l-ixkafef kollha u ma stajt insibu mkien, allura mort nistaqsi lis-salesgirl. Iċċekkjat fis-sistema u kien jidher li kellhom, u qalti li se tfittex fuq Google biex tara kif tidher il-faċċata ħalli tkun iżjed faċli għaliha li tilmħu fuq l-ixkafef. Jien kont pront u għedtilha, “Għandu jkun għandu ħafna kuluri li jispikkaw” – nilgħab il-parti ta’ qarrej random li ried jaqra l-ktieb ta’ Lon Kirkop. Daħlet fis-sit tal-Merlin u flok fittxet bl-isem tal-ktieb fittxet b’ismi, u kif din kitbet Lon, fuq l-iskrin tfaċċa ritratt daqsiex tiegħi. Jien qalbi waqfet. Kif rat ir-ritratt ħarset lejja u qaltli, “Iii kemm hu ħelu u għadu żgħir!!!” u lanqas biss indunat li kont jien. Biex ma ntawwalx, il-ktieb baqa’ ma nstabx u kelli noħroġ mill-ħanut b’diżappunt kbir u b’idejja vojta.

Tgħidilna xi ħaġa dwar il-gosti tiegħek fil-qari? Xi tħobb taqra? Liema kien l-aħħar ktieb li sammrek u ma stajtx titilqu minn idejk? U liema ktieb tistħi tgħid li ħadt gost taqrah?

L-iżjed li nħobb naqra bħala ġeneri huma l-contemporary fiction u drammi. Jinteressawni ħafna stejjer li jkunu mmexxija mill-karattri, iżjed milli minn xi plott elaborat ħafna. L-esperjenzi umani u sitwazzjonijiet reali huma dawk li qed insibni nfittex fil-kotba li naqra. Iżjed kemm qed nikber qed inħossni nersaq ’il bogħod mill-kotba ta’ fantasija li għal snin twal kienu l-favoriti tiegħi. Dan l-aħħar intfajt naqra ħafna letteratura Ażjatika u dik Queer.

Kieku kellek tkun karattru mill-kotba tiegħek għal ġurnata, min tkun u għaliex?

Il-karattri li nikteb jien jgħaddu minn ħafna, allura mhux li jien daqshekk ħerqan biex ngħix flokhom. Imma kieku kelli ngħix ġurnata bħala karattru milli ktibt jien stess naħseb inkun Jules għax minn dejjem kelli x-xewqa li nkun YouTuber li jiffoka fuq l-ikel vegan.

Ix-xirja Agħlaq