Merlin Publishers

MISTOQSIJIET TA’ MALAJR

X’titlu jkollu ktieb li jirrakkonta l-istorja ta’ ħajtek

Meta

Iddiskrivi l-kitba tiegħek bħala frażi tar-rapport tat-temp

arja sħuna bil-possibbiltà ta’ xita rxiex

L-iktar tiftixa stramba fuq Google li qatt għamilt

Google

It-talent sigriet tiegħek li ħafna ma jafux bih

norqod tmien sigħat (jew iktar)

Ipproponi soundtrack għall-kitba tiegħek

“Free” ta’ Florence + the Machine

L-iktar ħaġa stramba li għandek bħalissa fuq l-iskrivanija

meta tqis li ħafna drabi l-iskrivanija l-mejda tal-kċina …

Il-ktieb li xtaqt li ktibtu int

The Vegetarian ta’ Han Kang

Xi jdejqek jew itellfek l-iktar int u tikteb

iż-żaqżiq tas-siġġijiet (u żaqżiqiet ta’ kull xorta)

Kelma waħda li tiddiskrivi x-xogħol ta’ kitba li qed taħdem fuqu bħalissa

eklettiku

Agħżel emoji wieħed li jirrappreżentak

😅

MISTOQSIJIET FTIT ITWAL

Għaliex tikteb (u mhux tistad, jew taħdem il-ganutell, jew tagħmel xi ħaġa oħra)?

Għax bil-kitba tista’ wkoll tistad u taħdem il-ganutell u tagħmel kemm-il ħaġa oħra! Parti mis-sabiħ tal-kitba hu li tmur f’postijiet fejn qatt ma mort jew li lanqas biss jeżistu u toħloqhom inti – u saħansitra, tgħammar fihom. Nikteb għax għażilt li nikteb u għax ma nafx ma niktibx. Nikteb għax naqra, nikteb għax nisma’, nikteb għax nara, nikteb għax inħoss, għax inxomm u ntiegħem. Nikteb biex inħoss iżjed. Meta ningħalaq waħdi biex inħarbex nagħraf kemm waħdi m’iniex u għalhekk ġieli nikteb ma’ ħaddieħor ukoll.

Kieku kellek tiddiskrivi l-kitba tiegħek bħala tip ta’ ikel, xi tkun u għaliex?
Aktarx il-faqqiegħ. Għax sors ta’ fibra. Nittama li fil-każ tal-kitba tiegħi, daqstant ieħor mexxejja. Jiġi f’diversi suriet. Avolja fil-qalba tiegħu jibqa’ essenzjalment faqqiegħ (f’dal-każ il-faqqiegħa, l-element poetiku). Versatili. Ibaxxi r-riskji ta’ mard marbut mal-memorja u l-lingwa. Bl-ingredjenti addattati, jikber kullimkien. Nittama li kitbieti għandha minn dawn l-aspetti …
Liema kien l-aktar mument stramb, ħelu jew tad-daħq fil-karriera tal-kitba tiegħek s’issa?

Aktarx meta mort naqra Gramma fi skola sekondarja u bħala ħajr tawni kaxxa ċikkulatini. Kien ukoll id-drabi kollha meta lbist il-kappell ikkalibrat. U d-drabi l-oħra meta xi omm li ma tafnix tisħet kemm-il xogħol għad-dar ikollu binha mit-textbook tal-Malti …

Tgħidilna xi ħaġa dwar il-gosti tiegħek fil-qari? Xi tħobb taqra? Liema kien l-aħħar ktieb li sammrek u ma stajtx titilqu minn idejk? U liema ktieb tistħi tgħid li ħadt gost taqrah?
Inħobb naqra l-kotba għat-tfal, il-kotba għaż-żgħażagħ, il-poeżiji, l-esejs, ir-rumanzi li jisfidaw dak li jagħmel rumanz, il-kittieba nisa, il-kittieba Ażjatiċi, Iżlandiżi u Irlandiżi, il-kitba li ma tikkonformax, kitbiet mhux ippubblikati … Inħobb naqra poeżiji bi storja u stejjer poetiċi … Ktieb li ma stajtx nitlaq minn idejja dan l-aħħar huwa Letter to my Daughter ta’ Maya Angelou. U ktieb li “nistħi” ngħid li ħadt gost naqrah: 100 colpi di spazzola prima di andare a dormire ta’ Melissa P.
Kieku kellek tkun karattru mill-kotba tiegħek għal ġurnata, min tkun u għaliex?

Seb. Ħalli nivvinta minn kull xorta ta’ ħwejjeġ … u l-ħwejjeġ nara x’nivvintalhom ukoll!

MISTOQSIJA BONUS

Tixtieq tiżvela xi Easter egg li hemm f’xi wieħed mill-kotba tiegħek, ċjoè xi referenza moħbija li l-biċċa l-kbira tal-qarrejja ma jindunawx biha?

Fir-rumanz li jmiss, be;n il-kmiem, hemm vers “jittawwal jitbissem minn ġot-tieqa”. Meħud mill-poeżija “de passage” ta’ Nadia Mifsud. Issa żgur daqshekk baqa’ moħbi!

Ix-xirja Agħlaq