Loranne Vella tgħix Brussell, dejjem għaddejja minn ħaġa għal għaxra oħra. Hija tittraduċi ġewwa uffiċċju, taqra fis-sodda, tikteb fil-cafés u xi drabi tirreċta fit-triq. Kull tant żmien, tħawwad ftit fejn tagħmel xiex. M’għadhiex tagħti kas it-temp dejjem griż imma malli toħroġ ix-xemx tfaqqa’ daħqa daqsiex. Tippreferi tikteb bil-Malti, taqra bl-Ingliż, tittraduċi mill-Franċiż u toħlom bil-Ġappuniż. Fl-aħħar tal-jum, xorta tipprova tagħmel dawk it-tmien sigħat rieqda.