Lara Calleja hija Skaliża. Il-baħar – u l-villaġġ li issa żviluppa xi naqa żżejjed – huma parti minn ħafna stejjer f’ħajjitha. Il-kitba hija l-mod tagħha kif tagħmel kompromess mad-dinja ta’ madwarha, li mhux dejjem taf tkun ġentili. Tħobb l-ispazji miftuħa, mhux tal-baħar biss imma anka ta’ wesgħat twal ta’ għelieqi. L-attiviżmu finalment huwa l-kontribut żgħir li tħoss qed tagħti biex mingħaliha żżomm il-kuxjenza f’postha fuq affarijiet li taħseb jistgħu jkunu aħjar.
L-ambizzjonijiet li għandha huma li jirnexxilha toħloq iktar sens ta’ komunità f’dinja li saret wisq individwalista. U li forsi jkollha biċċa għalqa u daqsxejn ta’ kmajra. U min jaf x’ħolm ieħor iġġib magħha l-ħajja. Intant però, Lara rebħet il-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura – l-ewwel mara Maltija li qatt rebħet dal-premju prestiġjuż.