Sa minn ċkunitu Ernest Vella kien iħobb jagħmel żewġ affarijiet: iħaffer fil-ħamrija tal-għelieqi fl-Aħrax tal-Mellieħa u joħlom. It-tħaffir wasslu biex jiggradwa fil-Masters fl-Arkeoloġija fejn studja dwar il-girna fil-pajsaġġ rurali Malti. Il-ħolm kompla jikber miegħu u ġiegħlu jpitter u jikteb. Fil-bidu tas-snin elfejn ippubblika poeżiji f’Antoloġija tal-Għaqda Poeti Maltin u tal-Għaqda Letterarja. Huwa kiteb ukoll għadd ta’ drammi għall-istudenti tas-sekondarja. Ernest kiteb bosta studji fosthom dwar l-Arkeoloġija tal-Mellieħa, u kien ko-awtur tal-ktieb L-Arkeoloġija ta’ Malta, parti mill-Kullana Kulturali. Huwa l-ewwel għalliem li qiegħed jgħallem l-Arkeoloġija fi skola sekondarja, u fil-fatt jgħallem l-Applied Archaeology kif ukoll l-Arti f’Savio College.