Dal-aħħar ippubblikajna ktieb li naħseb ma nkunux qed nesaġeraw jekk ngħidu li qatt ma kellna wieħed bħalu. “Karolina, Ferdi u s-saħħar il-ħażin” ta’ Audrey Friggieri u Clarissa Sammut Scerri, huwa ktieb għat-tfal, imma partikolari immens għat-tematiċi li jmiss, u għall-mod kreattiv u uniku li ħadmu l-awturi.
Għalhekk, staqsejna lill-awturi direttament biex jgħidulna x’kien għaddej minn moħħhom huma u jfassluh:
Bħala ż-żewġ awturi tal-ktieb għat-tfal Karolina, Ferdi u s-Saħħar il-Ħażin, nistgħu ngħidu li dan il-ktieb jirrifletti dak li għandna għal qalbna, kif ukoll il-kuntesti li aħna t-tnejn ġejjin minnhom: it-tnejn għandna għal qalbna l-qasam soċjali, li jinkludi l-fenomenu tal-vjolenza domestika, u b’dan il-proġett żewwaqna l-passjoni, l-esperjenza u l-ispeċjalizzazzjoni tat-tnejn li aħna:
Audrey bħala awtriċi stabbilita, edukatriċi b’esperjenza twila, u anke bħala l-Kummissjarju dwar il-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika; u Clarissa bħala akkademika fid-Dipartiment tal-Istudji tat-tfal u tal-familja, psikologa u terapista tal-familja, kif ukoll bħala membru tal-Bord tal-Kummissjoni.
Aħna xtaqna li permezz ta’ dan il-ktieb, it-tfal, bl-għajnuna tal-kbar (il-ġenituri, l-għalliema, il-professjonisti) isibu l-kliem sabiex jitkellmu fuq suġġett delikat u diffiċli – b’mod li mhux tqil, u li jista’ jgħin lit-tfal jindunaw li mhumiex waħedhom f’dawn is-sitwazzjoniijiet ibsin.

Din l-istorja fantastika teħodna fl-ispazju – fl-Univers Urk fil-fatt, fejn jgħixu Karolina u Ferdi – iż-żewġ protagonisti. F’dan l-univers hemm sittax-il pjaneta, u l-kreaturi kollha li jgħixu fih għandhom tliet għajnejn. Meta tingħalqilhom l-għajn tan-nofs, huma jimirdu u jsiru sħaħar ħżiena. Biex ifiqu minn din il-marda kiefra, huma jkollhom imorru jieħdu t-terapija meħtieġa fuq il-pjaneta Teropsis.
Karolina u Ferdi huma ħbieb, u jmorru l-iskola flimkien fuq il-pjaneta Ekolsin, li fiha l-iskejjel kollha ta’ Urk. Għandhom seba’ mitt sena biex jibdew il-vaganzi, għax din id-darba se jqattgħuhom flimkien għand Karolina, fuq il-pjaneta Inkar.
Kollhom eċitament, huma lestew kollox għall-vjaġġ twil, u żgur qatt ma immaġinaw dak li kienu se jsibu jistenniehom meta jaslu! Mhemmx x’tagħmel! Sfortunatament, il-vaganzi għand Karolina ma kinux se jkunu preċiż kif kienu ħolmu bihom! Anzi …!
Ma rridux niżvelaw l-istorja kollha, imma kemm ngħidulkom li xtaqna nwasslu l-messaġġ li “xejn mhu perfett”, u li l-importanti fil-ħajja hu li jkollok xi ħadd li jħobbok.
— Audrey Friggieri u Clarissa Sammut Scerri
Proġett ambizzjuż bħalma hu Karolina, Ferdi u s-saħħar il-ħażin seta’ jieħu l-ħajja biss grazzi għall-kontribut tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu li flimkien mal-Merlin Publishers iffinanzjat il-ktieb.
Il-ktieb tnieda waqt attività organizzata mill-Positive Parenting Taskforce mmexxija minn Ruth Sciberras, li wkoll kienu strumentali biex dan il-ktieb ikun vijabbli u jiċċirkola fost dawk li l-aktar jibbenefikaw minnu.

