Arlekkin Isfar

test ta’ Roberta Bajada

Qrajt, jew qed taqra, ir-rumanz Arlekkin Isfar, u tixtieq tkun taf aktar dwar din il-pittura, dwar Pablo Picasso u dwar serqa ta’ pitturi imprezzabbli li seħħet tassew f’Rotterdam l-Olanda? Kompli aqra hawn taħt:


Pablo Picasso –  Harlequin Head (1971)

Fil-ġrajja tal-arloġġ, dan ir-ritratt tpitter fl-1921, imma fil-verità tlesta ħafna aktar tard mill-pittur Picasso, u l-mudell min jaf min kien! Sfortunatament, dan il-kwadru spiċċa rmied wara li nsteraq minn ġewwa l-Mużew Kunsthal ġo Rotterdam, u twaddab jinxtewa f’fuklar. Ma tantx dam iferfer, miskin. 


Pablo Picasso – Three Musicians (1921)

Kont taf li jeżistu żewġ verżjonijiet ta’ dan il-kwadru? It-tnejn tlestew minn Picasso fl-1921, u l-verżjoni msemmija fil-ktieb tinsab għall-wiri ġol-Museum of Modern Arts (MOMA) fi New York. Kampjun eżemplari t’arti Kubista, it-tliet mużiċisti jippożaw aktar għandhom dehra ta’ forom, milli sura ta’ bnedmin! U jekk tħares b’attenzjoni, jaf tinnota wkoll kelb mistoħbi fuq wara nett!


Salvador Dalì – Swans Reflecting Elephants (1937)

Tlesta minn Salvador Dalì fl-1937 u ħawwad ħafna mħuħ! Mad-daqqa t’għajn, il-kreaturi ta’ ġox-xmara jidhru qishom ċinji, imma r-riflessonji tagħhom fl-ilma turi mod ieħor … Dawn ċinji speċjali għax jinbidlu fi ljunfanti! 


Salvador Dalì – The Elephants (1948)

Iva – Dalì kien iħobb ipinġi l-iljunfanti. F’The Elephants, saqajhom jiġġebbdu aktar minn biċċa lasktu stirata. Din il-verżoni ikonika saret simbolu tal-pittur u s-surrealiżmu li ħalla warajh.


Edgar Degas – Miss La La at the Cirque Fernando (1879)

Miss La La għexet tassew! U l-aktar ħila famuża ta’ din l-akrobata kienet il-mod kif tiddendel piedi sħaħ maqtugħa mill-art taċ-ċirku billi taqbad mal-bandla bi snienha! X’ma timpressjonahx lill-pittur Edgar Degas! 


Henri Matisse – Reading Girl in White and Yellow (1919)

Ta’ min wieħed isegwi l-eżempju ta’ din it-tfajla u jaqra kemm jiflaħ. B’xorti ħażina, din il-pittura ta’ Henri Matisse spiċċat maħruqa mas-sitta l-oħra li nsterqu magħha nhar is-16 t’Ottubru 2012.  


Marc Chagall – The Blue Circus (1950)

Fl-immaġinazzjoni kkulurita tal-pittur Marc Chagall, l-annimali jdoqqu l-istrumenti u l-ballerini taċ-ċirku bla ġogi. F’dan il-kwadru ferrieħi jidher ukoll poni aħdar li smajt li jtaqtaq mhux ħażin! 


Arloġġ u Tila (L-Ewwel Ktieb)

U dawn, għal min jixtieq jaqra aktar ukoll dwar il-pitturi msemmija fl-ewwel ktieb tas-sensiela, Arloġġ u Tila:


Leonardo da Vinci – Lady with an Ermine (1489-1490)

Din il-pittura tat-tfajla bl-ermellin tinsab ġewwa l-Polonja. Cecilia Gallerani, li ppożat għal Leonardo da Vinci bejn l-1489 u 1490, għexet tassew, u għandha għalfejn tħossha kburija għax hija waħda mill-erba’ nisa li tagħhom il-pittur ċelebri da Vinci pinġa r-ritratt. 


Edvard Munch – The Scream (1893)

Ħadd ma jaf eżatt għalfejn il-figura ta’ fuq it-tila ta’ Munch tpinġiet b’ħalqha miftuħ, imma l-verżjoni pastelli ta’ dan ix-xogħol inbiegħet għal aktar minn mitt miljun dollaru Amerikan u ġiet irreġistrata bħala waħda mill-aktar pitturi li qatt swiet flus waqt irkant! 


Salvador Dalì – The Persistence of Memory (1931)

X’għandu jagħmel wieħed meta jdejquh it-tokki tal-arloġġ? Mhux idewweb l-arloġġ! Tal-inqas hekk ħolom il-pittur Salvador Dalì, mill-mod kif kien jogħxa jpinġi l-fehma tiegħu ta’ x’inhu l-ħin. Illum il-ġurnata, l-arloġġ ta’ Dalì huwa meqjus wieħed mill-aktar simboli famużi tal-arti, u safa’ wkoll protagonista ta’ rumanz miktub bil-Malti minn ċerta waħda jisimha Roberta Bajada


Ħoloq b’informazzjoni dwar is-serqa tal-Kunsthal:

https://www.irishtimes.com/news/world/europe/stolen-matisse-picasso-and-monet-paintings-burned-in-oven-1.1467572

https://www.mirror.co.uk/news/world-news/kunsthal-art-heist-seven-masterpieces-1382588

https://www.theguardian.com/artanddesign/2012/oct/16/rotterdam-art-thieves-valuable-paintings