Trevor Żahra
Il-ħares ta’ ommi (6 ta’ Mejju)
Ommi kienet waħħlet f’rasha li fid-dar kellna l-ħares. Ħadd qatt ma ra jew sema’ xejn, imma skont ommi, dan il-ħares kien imqabbad magħha. Dejjem jaħbilha l-affarijiet. Kellna xalata biha, għax wara li tkun għamlet ġimgħa trodd is- slaleb u tgerger li ma tistax issib l-imsielet tal-ġawhra … li tkun ċertissma li poġġiethom fil-kaxxetta tagħhom … dlonk issibhom fi plattina ġol-vetrina, u f’salt wieħed tiftakar li kienet hi stess li poġġiethom hemm, għax bdew iweġġgħuha u ma kellhiex aptit titla’ fuq biex tqegħedhom posthom. “Dażgur li għandna l-ħares,” kien jinfexx jiżżuffjetta biha missieri. “Jismu Ċettina!”
Iżda meta wara ftit, tibda tfittex l-album tar-ritratti u ma ssibux f’postu, terġa’ tibda twaħħal fil-ħares. Missieri kien jipprova jfakkarha kemm-il darba dan l-imsejken ħares weħel bla ħtija, imma hi tibda tisħon u tirrabja u tispiċċa taħlef li, iva, soltu jkun tort tagħha, imma did-darba żgur xogħol il-ħares. Imbagħad tasal iz-zija Salvina u ġġibilha lura l-album li kienet silfitha biex tagħmel kopja tar-ritratt tal-bride’s.
Ommi forsi kienet tieħu r-ruħ li l-oġġett mitluf ikun ġie lura, imma jiena kont niddiżappunta ruħi bil-kbir li fid-dar ma kellna ebda ħares. Kont nixtieq b’qalbi kollha li kellna ̇ħares tassew … u nkun nista’ niftaħar ma’ sħabi li d-dar tagħna kienet dar speċjali … imħarsa!
“Jien ħaġa waħda biss ma nistax nifhem,” kien jgħidilha missieri meta tkun għadha konvinta li l-ħares reġa’ nfexx jittantaha, “kif dan il-ħares lilek biss jaħbihom l-affarijiet. Lili u lit-tfal qatt ma jaħbilna xejn.”
“Dażgur! Imqabbad miegħi,” twieġbu ommi fil-pront. “Qatt ma smajt b’każijiet fejn minn familja sħiħa, persuna waħda biss tarah?”
Imbagħad meta l-biċċa tissolva b’raġunijiet naturali, bħall-każ tal-ġawhra u l-album, ommi kienet tigdem ilsienha u tikkalma … sakemm terġa’ titlef xi ħaġa oħra. U missieri erħilu jiddieħeq biha u b’tegħmiża jgħidilna, “Hawn aħna … reġa’ tfaċċa l-ħares!” Iżda dan kien qabel ma’ ommi tilfet iċ-ċurkett tat-tieġ. Kien telgħalha dieħes u qabel ma sebagħha beda jiħmar u jintefaħ, fittxet neżgħet iċ-ċurkett u poġġietu fil-kexxun tat-twaletta fejn kienet iżżomm id-deheb. Iżda f’daqqa waħda ċ-ċurkett sparixxa. Għall-ewwel ilkoll ħadnieha biċ-ċajt bħas-soltu u minn jum għal ieħor konna nistennew li se tiġi tgħidilna li sabitu, għax ftakret fejn kienet poġġietu. Imma għodwa waħda smajnieha twerżaq mill-kamra tas-sodda. Sibnieha ċċassata quddiem l-istatwetta tal-Madonna tal-Karmnu li kellna fuq il-gradenza.
“Madonna tal-Ħniena! Dak żgur mhux jiena qegħedtu hemmhekk!”
Iċ-ċurkett kien imdeffes ġo driegħ il-Madonna. Bilkemm riedet tmissu.
“Forsi kont aljenata,” qalilha missieri. “Mhux l-ewwel darba li nagħmlu xi ħaġa waqt li moħħna jkun band’oħra!”
“Naħlef fuq ruħi l-għażiża,” qaltlu ommi b’għajnejha mberrqin. “Soltu nammetti li jkun tort tiegħi. Taf li dejjem ammettejt. Imma did-darba le. Did-darba l-ħares!”
Minn wara l-biċċa taċ-ċurkett bdew sensiela ta’ inċidenti strambi li spiċċaw iħassbu anki lil missieri. Tilfet il-biljett il-blu bl-appuntament għal viżta l-isptar, biex wara tlitt ijiem sabitu mdeffes fir-rokna tal-inkwatru ta’ San Ġużepp. Tilfet il- karta bir-riċetta tal-ross biż-żbib li kienet għadha kemm tatha z-zija Salvina, biex ftit wara sabitha ġol-ktieb tal-knisja. Tilfet in-nuċċali tal-qari, li tfaċċa mkebbeb mal-kuruna tar-Rużarju. U l-akbar waħda kienet meta fil-jiem tal-Milied tilfet il-labra tal-ingravata li kienet xtrat għal missieri, u oħti sabitha ġol-presepju, fil-grotta ħdejn il-Bambin. Ma niftakarx kemm ġraw ħwejjeġ bħal dawn. Kien hemm żmien meta ommi bdiet anki tibbottja biex nitilqu minn dik id-dar. Imma ħadd minna ma qabel magħha.
“Wara kollox,” kien qalilha missieri, “dan il-ħares qatt ma seraqlek xejn. Dejjem tahomlok lura!”
“Ma nafx,” kienet tgerger ommi, “u dan l-għaliex dejjem iġibhomli lura marbutin ma’ ħwejjeġ sagri?”
“Qed tara?! Ħares qaddis!” kien jinfexx jidħaq missieri.
Qatt ma tlaqna minn dik id-dar u wara xi żmien ommi bdiet tosserva li l-għejbien tal-oġġetti beda bil-mod il-mod inaqqas u jitbiegħed. Sa ma jien u oħti wasalna biex niżżewġu u nitilqu mid-dar, dan il-fenomenu kien spiċċa għalkollox.
Ommi mietet ta’ erbgħa u disgħin sena. Baqgħet sal-aħħar tirrakkonta l-istejjer tal-ħares u jiena bqajt sal-aħħar qatt m’għidtilha li dawk il-ġrajjiet kienu kollha xogħol ta’ tifel ta’ tnax-il sena li tant kien jixtieq li ġo darhom kellhom il-ħares.
Aqra iżjed stejjer — tista’ tixtri l-ktieb 365 minn hawn.