Allura, xi qrajna l-iżjed fl-ewwel xahar-COVID?
On April 7, 2020

Dax-xahar, xahar il-COVID, kelli kurżità tberren f’moħħi jien u nippakkja u nimposta l-ordnijiet online tagħkom: intom x’qed taqraw f’dal-jiem ta’ kriżi, ta’ biża’, ta’ inċertezza, u ta’ ħafna u ħafna ħin magħluqin id-dar?

Photo by 2Photo Pots on Unsplash

Allura approfittajt ftit mill-fatt li għandi aċċess għar-rekords tal-bejgħ tagħna – ħeqq, xi perk irid ikun hemm li taħdem hawn 🙂 – biex nara ftit x’inhuma l-iżjed kotba li qed tixtru. U tbissimt ftit bir-riżultati. Nittama titbissmu miegħi.

1. Fl-ewwel post, tifhimha minħabba li qegħdin fil-ġimgħa tal-Għid, hemm ktieb għat-tfal dwar tellieqa u tiftixa għall-bajd tal-Għid: Paskal u t-tellieqa għall-bajd tal-Għid (addattament ta’ Clare Azzopardi). Tifhimha għax żmien il-Għid, u tifhimha għax kulħadd qed joħlom li jkun jista’ jiġri barra jagħmel xi treasure hunt. Naf ukoll li ħafna qed jagħtuh bħala rigal tal-Għid dis-sena. Ħin jaqraw għandhom żgur, it-tfal, dis-sena.

2. Fit-tieni post, il-hit tagħna ta’ dis-sena, Amazing Maltese Women, ta’ Kristina Chetcuti b’illustrazzjonijiet ta’ Marisa Attard. Ktieb uniku, li ġa kien issorprendiena lkoll qabel ma faqqa’ l-ġenn tal-COVID, imma li issa qisu ħa ħajja ġdida. Fi żmien ta’ kriżi u negattività, naħseb ħafna nies qed jehdew ftit jaqraw dwar nisa Maltin li għamlu affarijiet kbar, li għamlu lil dan il-pajjiż ċkejken wieħed kbir.

3. U fit-tielet post … kif tista’ ma titbissimx waħda kbira ħawn? Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa ta’ Trevor Żahra. In-nies tixtieq, fuq kollox, titbissem, ftit svog, xi ħaġa biex tidħaq tnejn mill-qalb u mqar għal ftit sigħat tinsa dak li għaddej barra.

Ħafna, innutajt, xtraw xi ktieb jew kotba għat-tfal, u mbagħad in-Nanna Ġenoveffa. Xi ħaġa għat-tfal, imbagħad xi ħaġa għall-ġenituri wkoll …

Photo by Jonathan Borba on Unsplash

Għal min jinteressawh il-listi u l-klassifiċi, hawn huma l-bqija tat-top 10 tal-COVID għal dan l-ewwel xahar:

4. Fra Mudest u l-Figolla tal-Pirjol (Charles Casha, illustrazzjonijiet ta’ Deandra Scicluna)

5. Nitgħallem Nikkonċentra 1 (addattament ta’ Claudine Slater) – għax il-mindfulness għat-tfal, u l-ftit sigħat kwiet li joffru, m’hawnx prezzhom bħalissa 😉

6. 365 (Trevor Żahra) – ktieb ta’ 365 storja, ’il fuq minn 1,000 paġna. Liema żmien aħjar biex tibda taqrah jekk mhux issa?

7. Jake Cassar isalva r-renju tar-Re Pankrazju IV (Clare Azzopardi, illustrazzjonijiet ta’ Mark Scicluna)

8. Aċċù – ktieb ħelu immens, għal tfal minn 5-6 snin ’il fuq, umoristiku u kkulurit, li kien ħareġ bla ħafna storbju imma li l-qarrejja sabuh xorta waħda, u l-kelma ġriet (addattament ta’ Trevor Żahra)

9. Lupettin imur għand it-tabib (addattament ta’ Clare Azzopardi)

10. Castillo (Clare Azzopardi) – ir-rumanz li tant tkellimna, u tkellmu, fuqu nies dal-aħħar xhur. Il-verdett, bħal dejjem, hu tal-qarrejja. U l-qarrejja vvutaw bi flushom, qed jixtruh iżjed minn kull rumanz ieħor Malti.

Infakkrukom li fuq dawn, bħal fuq il-kotba kollha Merlin, hemm 25% skont mis-sit tagħna u jaslulkom id-dar, posta b’xejn.

Ritratti ta’ 2Photo Pots u ta’ Jonathan Borba minn Unsplash
More news