28.01.22
On February 4, 2022

Kienet l-ewwel pubblikazzjoni Merlin għall-2022 u kienet – onestament, bla mistenni – suċċess lil hinn minn kull previżjoni. kollox jeħel magħna, id-debutt ta’ Francesco Grech, fi ftit jiem seraq il-qlub ta’ ħafna qarrejja. U l-kelma qed tiġri minn wieħed għall-oħra, “Aqrah, mhux se jiddispjaċik”

Illum, l-awtur stess qed jgħidilna kif ħassu dakinhar tat-tnedija tal-ktieb:

28.01.22

Għal ħafna minnkom din kien ġurnata bħall-oħrajn. Qomtu filgħodu, kafè jew te u mortu għax-xogħol. Imma għalija, għalija din kienet ġurnata differenti.

Filgħodu x-xemx kellha wiċċ ta’ tama u filgħaxija l-ksieħ tar-Rabat ħassejtu dieħel minn bejn il-ħwejjeġ u jilgħab b’għadmi. Kont imwerwer. Għamilt ġurnata kważi ma kilt xejn. Għax kollox jeħel magħna mhuwiex biss ktieb imma huwa ħajti. Din mhix xi metafora. Din vera. Kont se naqsam ma’ Malta u Għawdex dak kollu li jbeżżagħni, dak li jweġġagħni u dak li jagħmilni vulnerabbli.

Kont se jkun jien.

Naħseb … għall-ewwel darba f’ħajti. Neħħejt il-maskri kollha u ħallejthom id-dar.

Dan il-ktieb infatti huwa l-akbar riskju li ħadt f’ħajti. Imma xħin ngħid hekk ngħid imma kif hux l-akbar riskju li ħadt f’ħajti huwa li nkun jien? Tal-biża’ l-biċċa imma vera. F’dinja fejn kważi kollox ngħadduh minn xi filtru virtwali bħas-social media, li tkun int huwa l-akbar riskju. L-akbar att kuraġġuż. Din il-ħaġa naħseb hija inkwetanti u trid tinbidel. Trid tinbidel għax għalkemm mhux dejjem b’mod ovvju l-fatt li ma nistgħux inkunu aħna qed joqtolna minn ġewwa bil-mod il-mod. Qed iġibna kollha l-istess. Kollha rridu nidhru perfetti anke f’sempliċi selfie.

F’dan il-ktieb ridt nuri s-sabiħ li tkun imperfett.

Is-sabiħ li tiżbalja u titgħallem.

Is-sabiħ li tfalli.

Is-sabiħ li titfarrak u terġa’ tinbena.

 

Is-sabiħ li mingħajr l-ikrah, ma jibqax sabiħ.

Francesco Grech huwa l-awtur ta’ kollox jeħel magħna.
Illustrazzjonijiet ta’ Danielle Sant.
It-tnedija saret ġewwa Studio Solipsis, ir-Rabat.

More news