Martina kellha ħolma – il-ħolma ta’ ħajjitha – li tiftaħ lukanda fil-villaġġ ċkejken fejn toqgħod.
U baqgħet sa ma bnietha, il-lukanda. Imma …
ma ġie ħadd. Turisti baqgħu ma ġewx. Lukanda vojta.
U hekk Martina rat il-ħolma ta’ ħajjitha tisfaxxa fix-xejn, tant sagrifiċċji, tant ħolm … kollu għalxejn.
Imma meta tmur issejjaħ lil Twanny tat-Twaqqigħ biex iwaqqagħha, dil-lukanda ġdida, Twanny joħroġ b’idea ġenjali – idea sempliċi li twaħħad il-lukanda mal-ġmiel tal-ambjent ta’ madwarhom.
Din, fil-qosor, hi l-ġrajja ta’ Il-Lukanda ta’ Martina, storja dwar il-ħolm li lkoll inġorru magħna tul ħajjitna u li ġieli jiġi żewġ, u ġieli le. Imma li, anki meta ma jirnexxix, bi ftit ħsieb u ħarsien minn angolu differenti kapaċi tinstab soluzzjoni u tinħoloq ħolma oħra. Ġdida u isbaħ.
Dan il-ġmiel ta’ rakkont hu minsuġ mill-awtriċi rivelazzjoni ta’ dawn l-aħħar snin: Antoinette Borg, rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb u tal-Premju għall-Aqwa Awtur Emerġenti. Ktieb sempliċi, għal qarrejja ċkejknin minn 6-8 snin b’test jirrima u li jġorrhom miegħu mill-ewwel sal-aħħar paġna.
L-illustrazzjonijiet huma xogħol l-artista Russa Maria Mikhalskaya, stil frisk u li jwassalna fid-dimensjoni tal-ħolm tal-villaġġ ta’ Martina.
Anki l-format ta’ dan il-ktieb huwa ġdid u inużwali għall-kotba bil-Malti. Format pocket, perfett biex it-tfal imdorrijin bil-picture books iħossu li għandhom f’idejhom ktieb “ta’ veru”, ktieb kollu kemm hu tagħhom biex jaqraw u jiggostaw.
Il-Lukanda ta’ Martina ssibuh mill-ħwienet tal-kotba kollha, jew direttament minn hawn u jaslilkom id-dar, pustaġġ b’xejn lejn Malta u Għawdex.